Lokali
Il-Maltin qegħdin jixtru aktar karozzi ġodda milli użati

Għall-ewwel darba f’ħafna snin il-Maltin għażlu li jixtru aktar vetturi ġodda milli vetturi użati. Dan joħroġ minn statistika ppubblikata mill-NSO.

Bejn April u Ġunju fit-toroq Maltin ħarġu 65 vettura kuljum. Fl-istess perjodu l-‘istock’ ta’ vetturi liċenzjati żdied b’medja ta’ 43 kuljum. Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) juru li sa Ġunju li għadda l-ammont ta’ vetturi liċenzjati fit-toroq Maltin kien jaqbeż l-erba’ mija u tmint elef.

Liċ-Chairman Eżekuttiv tal-Malta Road Safety Council Pierre Vella staqsejnieh jekk dawn iż-żidiet humiex sostenibbli. Qal, li jekk hemm domanda għalihom, eventwalment trid tittieħed deċiżjoni.

“L-awtoritajiet iridu jieħdu deċiżjoni isma’ għandna bżonn nixxiftjaw it-trasport tagħna minn mod għall-ieħor. Is-servizz pubbliku nafu li kien hemm ħafna inizjattivi biex dak li jkun tħeġġu jużah. Kellna wkoll xift lejn l-electric vehicles.”

Is-Sur Vella qal li grazzi għall-għotjiet li ngħataw biex in-nies investew f’vettura elettrika tneħħew karozzi antiki mit-triq u kien hemm ukoll espansjoni fis-servizz tal-ferry.

Għall-ewwel darba f’ħafna snin kien hemm ukoll ċaqlieqa, bil-Maltin jagħżlu aktar vetturi ġodda milli vetturi użati.

“Qegħdin naraw ċaqlieq lejn il-mod kif il-karozzi qed jinxtraw u għandna bilanċ pożittiv li qed inħarsu lejn karozzi ġodda. Il-fatt li inti għall-inqas għandek karozzi ġodda u qed iċċekken il-ħajja tal-karozza mil-lat ta’ età żgur li se jkun ta’ benefiċċju.”

Intant, iċ-ċifri tal-NSO juru wkoll li tlieta minn kull erba’ vetturi liċenzjati huma vetturi tal-passiġġieri, filwaqt li vettura minn kull għaxra biss huma muturi, ‘quadbikes’ jew ATVs.

Is-Sur Vella żied li normalment meta wieħed jirritorna d-dar wara x-xogħol isib it-triq ippakkjata bil-karozzi meta aktar qabel matul il-ġurnata l-istess triq tkun vojta.

“Mela inti x’għandek? Għandek xift ta’ karozzi li qed jiċċaqilqu minn post għall-ieħor u forsi dak li hemm negattiv mhux l-ammont ta’ karozzi li inti għandek in-nies kulħadd isma’ jien għandi l-karozza tiegħi kulħadd imur biha. Tgħidli OK hemm il-kumdità imma mbagħad meta inti tħares lejn karozzi u tara karozza għaddejja single occupant kull waħda, għalhekk forsi huwa tajjeb li nħarsu lejn xi ħaġa ta’ mass transportation li tkun aktar effettiva.”

Mistoqsi dwar kemm tiflaħ l-infrastruttura għal dawn il-vetturi kollha, is-Sur Vella wieġeb li x-xogħol li sar fl-aħħar snin kien pożittiv u ħalla effett, iżda wieħed irid jiftakar li l-pajjiż huwa gżira u ma tantx għandu fejn jespandi.