Waqt il-Kafé
Il-Maltin: l-aktar bil-għaqal fit-toroq?

WAQT IL-KAFÉ… ma’ Joe Julian Farrugia

 

Ma naf b’ebda statistika. Imma naħseb, opinjoni tiegħi, li l-Maltin huma fost l-aktar nies bil-għaqal fit-toroq. Per eżempju biex ma jaħlux dawl, hawn ħafna rari jixgħelu l-indicators tal-karozza. Għalfejn? Jekk iridu jmorru f’direzzjoni differenti, jaqbdu u jiksru u fuq min jiġu jkun sultan. Taħli l-batterija jew?

Jingħad li l-ewwel li ħareġ b’dawn it-tip ta’ indicators kien Percy Douglas-Hamilton fl-1909, iżda ftit taw kas l-idea tiegħu. Ftit snin wara kellha tkun mara li ħarġet bl-idea ta’ indicators f’karozza; attriċi ta’ Hollywood fi żmien is-silent films; ċerta Florence Lawrence. Dawn ma kinux f’forma ta’ bozoz kif nafuhom illum. Kienu forma ta’ “dirgħajn” fuq wara tal-karozza biex juru li se tinbidel id-direzzjoni u kienu jitħaddmu permezz ta’ buttuni apposta.

Jekk imbagħad il-karozza tkun se tieqaf, l-indikazzjoni b’dawn id-“dirgħajn” kienet taħdem b’mod awtomatiku kif jingħafas il-brejk. Biex inkunu ġusti, Florence ma kinitx taf bl-idea ta’ Hamilton qabilha u għalhekk żgur ma ppruvatx tqarraq. Infatti hija lanqas biss kienet irreġistrat l-idea tagħha u spiċċat ma ħadet xejn ta’ din l-invenzjoni li llum tintuża fid-dinja kollha… minbarra x’uħud… biex jiffrankaw id-dawl.

Issib oħrajn li biex jiffrankaw l-emmissjonijiet, jekk jinzertaw it-traffic lights għadhom kif jaqilbu, jibqgħu għaddejjin xorta. Jekk jieqfu jaħlu l-petrol u joqgħodu jdaħħnu għalxejn hux!

L-ewwel tip ta’ traffic lights kienu użati qabel kienet ivvintata l-karozza. Kien ħareġ bl-idea JP Knight, inġinier tal-ferroviji fl-Ingilterra. L-ilwien aħmar jew aħdar kienu jintużaw biex in-nies fit-triq ikunu jafu x’ħin jistgħu jaqsmu minn fuq il-linji tal-ferrovija jew le. Fl-1910, wara li daħlu l-karozzi, Earnest Sirrine minn Chicago beda bl-idea li jsiru sinjali, bla dawl, bil-kliem jinbidlu; jew STOP jew PROCEED.

L-ewwel sinjali bid-dawl għall-karozzi intużat fl-1917 f’San Francisco bl-aħdar u l-aħmar biss. L-oranġjo kien miżjud minn pulizija f’Detroit fl-1920. Is-sistema baqgħet tiżviluppa sa dik li llum tintuża minn kulħadd… minbarra dawk li biex jiffrankaw il-petrol; ikunx aħmar, aħdar jew oranġjo jibqgħu għaddejjin xorta… għax bil-għaqal hux!

Anki jien bil-għaqal. U jien l-ilma niffranka. Malta hija gżira nieqsa mill-ilma u mhux sew naħlih biex naħsel il-karozza. Allura nistenna n-natura tieħu l-kors tagħha. Il-karozza tinħasilli meta tagħmel ix-xita u tinxef meta jagħmel ir-riħ. Veru kultant tagħmel xita bil-ħamrija u jkolli nimsaħ il-ħġieġ. Imma tgħidx kemm niffranka ilma. Mhux bil-għaqal jew?

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Il-Pulizija qed jinvestigaw is-sejba ta’ kadavru ta’ mara li kienet ilha mejta 3 xhur. TVM huwa infurmat li l-mara hija Ingliża ta’ 69 sena li nstabet mgħottija bil-kutri fis-sodda fi stat…

Saħħa

Bħalissa f’Malta hawn madwar 7,000 persuna li qed tbati mid-dimenzja, din mistennija titla’ għal 13,000 sas-sena 2050. Fl-ewwel konferenza nazzjonali tad-dimenzja, ġiet diskussa din il-marda, kif tolqot lil ta’ madwarha,…

Lokali

Skont il-Perit Carmel Cacopardo, ir-riżenja ta’ Arnold Cassola mill-Alternattiva Demokratika fuq l-abort hija biss skuża. Intervistat fuq il-programm ta’ Television Malta Ras imb ras, il-Perit Cacopardo qal li hu kien…

Aktar