Ambjent
Il-Maltin l-inqas li jikkunsmaw ilma tal-vit fl-Unjoni Ewropea

Il-Maltin huma l-inqas poplu li jikkunsmaw ilma tal-vit fl-Unjoni Ewropea. Qal dan il-Kap Eżekuttiv ta’ TAPP Malta Phil Richards, li spjega kif kull dar f’Malta u Għawdex tikkonsma medja ta’ 1,000 flixkun ilma tal-plastik fis-sena, jew 200 miljun flixkun madwar il-pajjiż kollu.

Skont is-Sur Richards, ir-raġuni ewlenija hija li l-Maltin ma jħobbux l-ilma tal-vit, minkejja li fi kliemu dan l-ilma jilħaq l-istandards kollha tal-Unjoni Ewropea.

Żied jgħid kif dan iwassal sabiex “inqas minn 20% ta’ dawn il-fliexken jiġu riċiklati, waqt li bil-prezz tal-fjuwil fil-livelli tal-lum, il-plastik ġdid huwa irħas minn dak riċiklat.” Dan waqt li spjega li l-plastik jista’ jiġi riċiklat bejn darbtejn u tliet darbiet, li jwassal għal iktar skart fil-miżbliet tagħna.