Lokali
Il-Maltin sodisfatti bl-abbonamenti tal-internet – jilmentaw l-iktar dwar il-ħsarat u l-kontijiet

Jonqsu bi 15% l-ilmenti li rċeviet l-Awtorità Maltija dwar il-Komunikazzjoni (MCA) fl-ewwel nofs ta’ din is-sena.  Dan ħareġ inn statistika miġbura mill-MCA li minnha joħroġ li bejn Jannar u Ġunju l-ilmenti kienu jammontaw għal 102 u saru minn abbonati ta’ servizzi fit-telefonija, tal-internet, it-televiżjoni u s-servizzi postali.

Fi stqarrija l-MCA qalet li 95% tal-ilmenti ngħalqu f’inqas minn 20 ġurnata ta’ xogħol.  L-Awtorità qalet li rċeviet ukoll mal-235 talba għal informazzjoni mingħand il-konsumaturi.

L-iktar ilmenti komuni mill-konsumaturi kienu dwar ħsarat fis-servizzi, tant li skont l-MCA investigat b’kollox mas-17-il ilment ta’ dan it-tip.  L-Awtorità qalet li rċeviet ukoll 27 ilment dwar kontijiet u f’7 każi minnhom intervjeniet biex jiġu riveduti l-istess kontijiet.

Minbarra tnaqqis f’dat-tip t’ilmenti, l-MCA innotat tnaqqis ukoll fin-numru ta’ ilmenti dwar tmiem jew tibdil tal-fornitur tas-servizz.  Dan għax skont l-Awtorità rċeviet 9 ilmenti u fi 3 każi intervjentiet sabiex tassigura li l-operatur itemm il-kuntratt mal-klijent.

L-Awtorità qalet li rċeviet 10 ilmenti dwar is-servizz postali filwaqt li ma rċeviet ebda ilment dwar is-servizzi mogħtija mill-operaturi tal-internet.  L-MCA fakkret lill-konsumaturi li jekk ma jkunux sodisfatti bir-rimedju li jingħata mingħand l-operatur, jistgħu jiftħu l-ilment tagħhom mal-Awtorità billi jċemplu fuq 21336840 jew jibagħtu email [email protected]