COVID-19
“Il-Maltin u l-Għawdxin qed jgħinu nies fil-Perù jieħdu n-nifs” – L-Isqof Giovanni Cefai

Għada, il-Ħadd 18 ta’ Ottubru 2020, il-Knisja Kattolika tfakkar il-Ġurnata Missjunarja. F’dan il-jum, il-Knisja titfa’ ħarsitha lejn il-ħidma mwettqa minn saċerdoti, reliġjużi u lajċi fl-artijiet tal-missjoni.

Għal din l-okkażjoni, l-Isqof Giovanni Cefai miż-Żebbuġ Għawdex u membru tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl, kiteb lil tvm.com.mt dwar il-ħidma li qed iwettaq hu u sħabu fi Huancané fil-Perù f’dan il-mument ta’ sfida, hekk kif apparti l-ħtiġijiet materjali u spiritwali ta’ kuljum qegħdin jikkumbattu wkoll il-pandemija tal-COVID-19. Il-Perù hu t-tmien l-aktar pajjiż fid-dinja fejn s’issa ġew reġistrati każi (862,417) u l-ħames l-aktar pajjiż b’imwiet ta’ persuni li ħadu l-virus (33,648).

In-nies ta’ Huancané, fejn hemm l-Isqof Cefai, huma l-biċċa l-kbira foqra u jgħixu mill-biedja. Joqogħdu fuq il-muntanji u f’ħafna villaġġi ċkejknin li jinsabu sa 4,000 metru ‘il fuq mill-ilma baħar, u allura jkun hemm nuqqas ta’ ossiġnu u ħafna kesha. Iż-żona f’idejn l-Isqof Cefai hi 60 darba akbar fid-daqs minn Malta u Għawdex f’daqqa.

L-Isqof Giovanni Cefai kitbilna hekk:

“Il-konvoj ta’ Santa Marija reġa’ wasal! Kienu l-14 ta Awwissu meta rċevejt telefonata biex jgħiduli li Claris Foundation minn Malta kienu qegħdin jgħadduli donazzjoni sabiħa ħafna biex jgħinuni bl-ossignu għan-nies tal-Perù. Verament, ma stajtx ma niftakarx f’dik il-ġrajja sabiħa għal Maltin fl-eqqel tat-Tieni Gwerra Dinjija u li issa qiegħda terġa’ isseħħ għal dan il-poplu tal-Perù, meta f’tant tbatija u mumenti diffiċli dehret l-id ta’ Alla u ta’ Ommna Marija kważi kważi b’mod mirakoluż. Grazzi lilkom Maltin u Għawdxin li permezz tal-qalb ġeneruża tagħkom, qegħdin tgħinu lin-nies jieħdu n-nifs. Verament li hija ta’ qsim il-qalb li ħafna nies qegħdin imutu għax m’għandhomx min jipprovidilhom l-ossiġnu. Qed ngħinu lin-nies direttament bil-magni tal-ossiġnu li grazzi għal għajnuna tagħkom irnexxielna nakkwistaw. Din hija l-ewwel fażi tal-proġett, għax min-naħa tagħna se nixtru aktar magni tal-ossiġnu fil-futur qrib. Fil-fatt is-somma totali li bgħattuli intom il-Maltin u l-Għawdxin, biex nipprovdu l-ossiġnu u materjal mediku ieħor laħqet il-€86,256. Minn qalbi nixtieq ngħidilkom grazzi tal-ġenerożità kbira tagħkom.

Nista’ ngħid li diġà għadna ekwivalenti għal impjant li jipproduċi 60 metru kubu ta’ ossiġnu kuljum (ekwivalenti għal 20 ċilindru ta’ 3 metri kubi kull wiehed). Peress li aħna qegħdin 4,000 metru ‘l fuq mill-ilma baħar, allura ridna nixtru magni speċjali biex jipproduċu biżżejjed ossiġnu għal dan l-għoli. Barra l-magni li jipproduċu l-ossiġnu, għandna wkoll 21 ċilindru ta’ ossiġnu għal minn ikollu bżonn. Ma’ dawn għandna armati swali biex il-pazjenti jkunu jistgħu jirċievu l-għajnuna u l-ossiġnu, taħt l-osservanza tat-tim mediku. Kull ġurnata li tgħaddi, flimkien nistgħu ngħidu, illum erġajna salvajna ħafna ħajjiet.

Nixtieq nirringrazzja wkoll liċ-Ċentru Animazzjoni Missjunarja fi ħdan is-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl li għadhom kif għaddewli donazzjoni sabiħa ħafna biex jisponsorjaw l-kċina tal-foqra għal sena sħiħa. Fil-parroċċa fejn ngħix, ftaħna kċina għal foqra u jiġu madwar 100 ruħ, fosthom ħafna anzjani, tfal u familji foqra biex jieħdu l-ikel magħhom. Grazzi lilkom Maltin u Ghawdxin li fis-Sajf għentuna fil-maratona “Oħloq Tbissima”. Anke l-Mission Fund għadhom kif għaddewli somma sabiħa ta €5,000 biex jgħinuna f’din il-missjoni. Ibqgħu ċerti li tinsabu fit-talb tiegħi ta’ kuljum. Ninsabu obbligati lejkom b‘mod speċjali fit-talb. F’isem dawn in-nies li qegħdin jirċievu l-għajnuna ngħidilkom: grazzi minn qalbi u kunu mberkin.”