Saħħa
Il-MAM imħassba dwar ir-riskju għoli tad-deċiżjoni tal-Prim Ministru

L-Assoċjazzjon Medika Maltija, (MAM) tinsab imħassba serjament dwar ir-riskju għoli tad-deċiżjoni li ħa l-Prim Ministru Robert Abela ilbieraħ. Fi stqarrija l-MAM qalet li l-ammont għoli ta’ każijiet ġodda ta’ Covid-19 fil-pajjiż għal erbat ijiem infila, seħħew eżatt ġimgħatejn wara li l-Gvern illaxka l-ewwel sett ta’ restrizzjonijiet. Qalet li sfortunatament ingħatat l-impressjoni li jekk persuna tilbes maskra tkun protetta mill-Covid-19. Qalet li riżultat ta’ dan ħafna nies qed jonqsu milli jżommu d-distanza soċjali u l-anzjani ħarġu fil-ħwienet.

L-Assoċjazzjoni Medika kompliet tgħid li l-ammont ta’ każijiet ġodda ta’ Covid-19 fil-pajjiż tela’ għad-doppji tal-każijiet u ras għal ras, Malta spiċċat mal-ogħla 20 pajjiż fid-dinja għall-każijiet ġodda ta’ Covid-19 kuljum meta mqabbla mal-Italja, Spanja u l-Ġermanja. Il-MAM qalet li l-pajjiż jista’ jkun li tilef tmien ġimgħat għaliex issa għandu l-istess ammont ta’ każijiet li kellu xahrejn ilu. Qalet li din hija ħasra għaliex sallum Malta għandha l-inqas rata ta’ mwiet bil-Covid-19 fl-Unjoni Ewropea.

Il-MAM qalet ukoll li pazjent wieħed f’sala waħda tal-isptar wassal biex ġew infettati minn tal-anqas 10 persuni oħra fosthom ħaddiema tas-saħħa, ingħalqu temporanjament tliet swali biex ġew diżinfettati u għexieren ta’ ħaddiema tas-saħħa qegħdin fi kwarantina.

Il-MAM filwaqt li faħħret l-ammont għoli ta’ swabs li qed isiru, qalet li dawn qed juru li hemm mal-ħames każijiet posittivi għall-virus u li m’għandhomx sintomi, għal kulll 1000 persuna. Barra minn hekk, mal-100 każ kuljum li t-tobba jirreferu biex jagħmlu swab, mhumiex imorru biex jagħmluh u dan kollu qed ipoġġi lill-komunità Maltija f’riskju.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija qalet li l-ammont għoli ta’ infezzjonijiet ġodda kellu jwassal biex wieħed ikun aktar kawt u mhux jieħu deċiżjoni li jerġgħu jinfetħu r-ristoranti u l-ħwienet tax-xorb – mossa li l-MAM qalet wasslet għall-problemi kbar fil-Ġappun, Singapore u l-Korea ta’ Isfel li kellhom ireġġgħu lura dawn id-deċiżjonijiet.

Il-MAM qalet li filwaqt li tissimpatizza mal-ħaddiema fl-industriji tat-turiżmu u tad-divertiment, il-lobbying minnhom fi żmien daqshekk bikri jista’ jwassal biex Malta tkun fost l-ewwel 10 pajjiżi b’żieda fil-każijiet ta’ Covid-19 u dan jagħmel aktar ħsara għaliex il-pajjiż ma jkunx jista’ jitqies bħala wieħed ta’ kurritur sigur.

Il-MAM temmet tgħid li hija ddispjaċuta li l-Gvern qed ipoġġi l-interessi ekonomiċi qabel dawk tas-saħħa u appellat lill-pubbliku sabiex jibqa’ attent u jieħu l-prekawzjonijiet kollha speċjalment li jżomm id-distanza soċjali u jevita kull forma ta’ ġemgħat f’postijiet pubbliċi. Qalet li wieħed jibqa’ d-dar tibqa’ l-aktar għażla sigura.

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tilef vot ta’ fidċuja fil-grupp parlamentari wara laqgħa li damet għaddejja ħames siegħat. Madanakollu, f’konferenza tal-aħbarijiet eżatt wara għall-ħabta tas-sagħtejn ta’ filgħodu, Dr Delia qal li mhux…

Edukazzjoni

L-Università ta’ Malta ħabbret li ċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni li kienu se jsiru f’Novembru u Diċembru li ġej jiġu posposti għas-sena d-dieħla minħabba l-inċertezza relatata mal-COVID-19. Ir-Rettur tal-Università, il-Professur Alfred Vella…

COVID-19

F’għeluq ir-raba’ xahar minn meta feġġ l-ewwel każ tal-coronavirus f’Malta, ir-rata ta’ trasmissjoni tal-virus minn persuna għall-oħra, l-hekk imsejjaħ R Factor, nizel għal 0.33, li jfisser li tliet persuni jistgħu…

Politika

L-Avukat Ġenerali rrefera għall-parir li huwa ta lill-Pulizija fis-16 ta’ Mejju 2016, u sostna li dan imkien ma rrakkomanda t-twaqqif ta’ xi investigazzjonijiet jew tal-ġbir ta’ provi kontra xi professjonisti,…

Aktar