COVID-19
Bosta jikkundannaw it-tneħħija tal-konsulent tas-Saħħa Pubblika – il-Ministeru għas-Saħħa jwieġeb

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM, ikkundannat it-tneħħija tal-konsulent tas-saħħa pubblika Kenneth Grech mir-responsabiltà għall-kordinazzjoni tar-rispons tas-saħħa pubblika għall-Covid-19. Il-MAM qalet li dan ġara wara li Dr Grech irrakkomanda kawtela fuq il-konsegwenza tal-ftuħ tal-iskejjel. Din l-aħbar wasslet għal diversi reazzjonijiet li urew solidarjetà ma’ Dr Grech. Kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa qalet lil TVM li t-tneħħija ta’ Dr Grech mill-Covid Team m’għandhiex x’taqsam mal-kwistjoni tal-MUT li ssolviet il-ġimgħa li għaddiet.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM, ikkundannat it-tneħħija ta’ Dr Kenneth Grech minn koordinatur tat-team tal-Covid-19 f’Malta u qalet li llejla se tlaqqa’ lill-Kunsill biex jevalwa s-sitwazzjoni u jiddeċiedi dwar ir-reazzjoni tiegħu għal dak li sejħet bħala episodju ta’ intimidazzjoni. Il-MAM fi stqarrija esprimiet id-diżappunt għal dawk li sejħet bħala żbalji ta’ deċiżjonijiet li jieħdu l-politiċi għax skontha huma bbżati fuq il-popoliżmu iktar milli fuq il-pariri tal-esperti mediċi. Qalet li dawn id-deċiżjonijiet wasslu għas-sitwazzjoni attwali tal-Covid f’Malta.

Fost ir-reazzjonijiet għal dan l-iżvilupp: iż-żewġ unions tal-għalliema – il-Union tal-Għalliema, l-MUT, u l-Union tal-Edukaturi Professjonisti, il-UPE, kif ukoll is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Kattolika, l-Assoċjazzjoni tal-Iskejjel tal-Knisja, l-assoċjazzjoni tal-iskejjel indipendenti, l-Assoċjazzjoni tal-Professjonisti tas-Saħħa Pubblika u l-għaqda Repubblika li esprimew is-solidarjetà tagħhom ma’ Dr Grech.

Il-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija, qal li din hija konferma tal-arroganza tal-Prim Ministru. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li din id-deċiżjoni turi li l-Prim Ministru qed jiddeċiedi mingħajr ma jqis x’inhuma l-effetti tad-deċiżjonijiet tiegħu, f’dan il-każ fuq is-saħħa pubblika.

Intant, kelliema fil-Ministeru għas-Saħħa qalet lil TVM li mhux minnu li Dr Kenneth Grech tneħħa mill-kariga li kien jokkupa minħabba li kellu x’jaqsam mas-sitwazzjoni tal-MUT li ġiet riżolta l-ġimgħa li għaddiet. Spjegat li tim ta’ esperti tas-saħħa pubblika, fosthom Dr Kenneth Grech, kienu qed jaħdmu fuq strateġija ta’ kif jistgħu jintużaw il-fondi Ewropej għas-settur tas-saħħa f’Malta, iżda fl-aħħar xhur kienu qed jiffukaw fuq il-pandemija.

Qalet li issa dawn l-esperti reġgħu ssejħu lura fir-rwoli oriġinali tagħhom biex pajjiżna ma jirriskjax li jitlef miljuni ta’ fondi Ewropej għall-futur tas-settur tas-saħħa u l-irkupru tal-pajjiż mill-Coronavirus.