COVID-19
Il-MAM tappella għal iktar miżuri fl-ajruport u twissi kontra l-ippjanar tal-parties

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) għamlet appell għal iktar restrizzjonijiet fl-ajruport, u wissiet li mhuwiex għaqli li l-awtorità tat-turiżmu tibda tippjana avvenimenti kbar minn issa.

Il-MAM qalet li l-proċedura ta’ swabs li jittieħdu minn għadd ta’ passiġġieri meta dawn jaslu Malta mhux biżżejjed biex tilqa’ għall-imxija, għax dawn jistgħu jinfettaw persuni fuq l-ajruplan u hemm is-sogru li jdaħħlu magħhom xi varjant ġdid.

Ma eskludietx il-possibiltà li jekk jidħol varjant ġdid f’Malta, il-proċess ta’ tilqim jaf ikollu jerġa’ jibda mill-bidu b’riperkussjonijiet għall-ekonomija.

L-assoċjazzjoni qalet li kull attività ekonomika trid tiftaħ b’mod gradwali ħafna, u qalet li attivitajiet fejn id-distanza ma tistax realistikament tinżamm m’għandhomx jitħallew isiru qabel tintlaħaq l-immunità tal-merħla, meta tkun tlaqqmet 70% tal-popolazzjoni.

Il-MAM qalet ukoll li l-awtorità għat-turiżmu m’għandhiex tibda tippjana parties kummerċjali kbar kif jidher li qed tagħmel, u dawn l-avvenimenti għandhom ikunu l-aħħar li jitħallew isiru, wara li l-effett tat-tilqim fuq il-popolazzjoni jiġi ppruvat xjentifikament.