COVID-19
Il-MAM testendi d-direttivi sal-14 ta’ Awwissu u tagħti ultimatum ta’ ġimgħa lill-Gvern

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija fi stqarrija dalgħodu qalet li d-direttivi li għaddejjin bħalissa se jiġu estiżi u se jibqgħu fis-seħħ sal-Ġimgħa 14 ta’ Awwissu.

F’laqgħa tal-Kunsill tal-MAM li saret ilbieraħ ġie deċiż ukoll li d-direttivi tagħha se jiġu sospiżi għall-ġimgħa bejn il-15 ta’ Awwissu u l-Ħadd 23 ta’ Awwissu. Żiedet li jekk sa dik id-data, il-kabinett ma jiħux aktar miżuri biex iġġib b’mod effettiv il-pandemija taħt kontroll, l-Assoċjazzjoni Medika Maltija se terġa’ ddaħħal fis-seħħ id-direttivi kollha inkluż is-sospensjoni tal-operazzjonijiet li mhumiex urġenti mit-Tnejn 24 ta’ dan ix-xahar.

Fl-istqarrija, l-Assoċjazzjoni Medika Maltija qalet li d-direttivi tagħha ġew segwiti minn 95% tal-membri. Żiedet li tabib f’ċentru tas-saħħa nstab pożitiv għall-COVID-19 u ieħor jinsab fi kwarantina u qed jistenna r-riżultat tat-test.

Qalet li s-sitwazzjoni ddetterjorat b’ mod sinfikanti b’żieda qawwija fl-għadd ta’ każi tant li skont il-MAM illum mistenni jkun hemm rekord ta’ każijiet. Żiedet li l-bieraħ, erba’ pazjenti ġew rikoverati fl-isptar Mater Dei b’sintomi serji tal-COVID-19 biex b’hekk telgħu għal sebgħa l-pazjenti fl-isptar.