Saħħa
Il-MAM tiddikjara tilwima industrijali

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija ddikjarat tilwima industrijali min-nhar il-Ħamis li ġej. Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni qalet li  hu inaċċettabbli li konsulent mediku ngħata trasferiment għax esprima l-ġudizzju professjonali tiegħu.

Hija spjegat li t-tilwima industrijali ddur mat-tneħħija ta’ Dr Kenneth Grech mir-responsabiltà għall-kordinazzjoni tar-rispons tas-saħħa pubblika għall-Covid-19, wara li rrakkomanda kawtela fuq il-konsegwenza tal-ftuħ tal-iskejjel.

Min-naħa tagħha, kelliema għall-Ministeru tas-Saħħa qalet lil TVM li t-tneħħija ta’ Dr Grech mill-Covid Team m’għandhiex x’taqsam mal-kwistjoni tal-MUT li ssolviet il-ġimgħa li għaddiet. Spjegat li tim ta’ esperti tas-saħħa pubblika, fosthom Dr Kenneth Grech, kienu qed jaħdmu fuq strateġija ta’ kif jistgħu jintużaw il-fondi Ewropej għas-settur tas-saħħa f’Malta, iżda fl-aħħar xhur kienu qed jiffukaw fuq il-pandemija. Qalet li issa dawn l-esperti reġgħu ssejħu lura fir-rwoli oriġinali tagħhom biex pajjiżna ma jirriskjax li jitlef miljuni ta’ fondi Ewropej għall-futur tas-settur tas-saħħa u l-irkupru tal-pajjiż mill-Coronavirus.

Intant il-MAM qiegħda titlob laqgħa mad-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne. Fl-istqarrija, il-MAM sostniet li t-tobba għandhom ikunu ħielsa li jesprimu l-opinjoni professjonali tagħhom mingħajr ma jkunu intimidati jew imbeżżgħin li se ssirilhom xi ħsara. Saħqet li dan hu l-obbligu etiku ta’ kull tabib. Kompliet tgħid li t-tneħħija ta’ Dr Grech hija ta’ tħassib għall-professjonisti fil-gradi kollha. Qalet li l-Ministeru tas-Saħħa ta l-impressjoni li persuna waħda biss tista’ taħdem fuq proġett tal-Unjoni Ewropea, u sostniet li dan mhux ġust fuq it-tobba li diġà qegħdin jagħmlu dan ix-xogħol.

Għaldaqstant wara laqgħa li kellha lbieraħ il-MAM iddikjarat tilwima industrijali li tibda l-Ħamis li ġej billi t-tobba jibdew b’azzjoni dimostrattiva u jeskalawha nhar it-Tnejn li ġej.

Ara wkoll:

Bosta jikkundannaw it-tneħħija tal-konsulent tas-Saħħa Pubblika – il-Ministeru għas-Saħħa jwieġeb