Il-maratoni tal-ġbir għall-karitá għandhom jieħdu format differenti?

Il-Ġbir tal-fondi waqt maratoni għal għaqdiet mhux governattivi jagħmlu ħafna ġid ma’ persuni u familji vulnerabbli fis-soċjetà tagħna. Biss in-narattiva li tintuża f’xi filmati waqt l-istess maratoni ħafna drabi qajmu opinjonijiet differenti.  ‘Popolin’ stħarreġ il-maratoni, n-narrativa li tintuża u l-ispejjeż li jġibu magħhom dawn l-attivitajiet li jsiru għal kawża ġusta.

Tkellimna ma’ Andrew Azzopardi, opinjonista li spjega li għalkemm m’għandux simpatija partikolari lejn dawn it-tip ta’ maratoni ma jopponix li jsiru. Biss ma jaqbel xejn meta l-istess maratoni jagħmlu użu minn stejjer reali ta’ pazjenti jew persuni oħra li qed jibbenefikaw mill-għajnuna ta’ dawn l-għaqdiet. Azzopardi spjega li l-Gvern jonfoq żewġ biljuni fis-sena fil-qasam soċjali, għalhekk jemmen li ma hemmx raġuni għalfejn inkomplu ninqdew bl-istejjer tan-nies, anke jekk li jidhru f’xi feature televiżiv tkun għażla tagħhom.

B’riferenza għal dan, Rennie Żerafa, kap eżekuttiv ta’ Puttinu Cares tenna li l-għaqda Puttinu Cares bdiet bil-għan li tgħin pazjenti u l-familji tagħhom biex isiefru barra minn Malta għal kura. Qal li hemm flejjes kbar involuti sabiex dan isir. Fil-fatt fil-mument qegħdin jaħdmu fuq proġett li jiswa l-fuq minn tletin miljun ewro. Għal dan il-proġett il-Gvern offra ħames miljuni. Għalkemm hija għajnuna sostanzjali, Puttinu Cares xorta kellha tidħol fil-piż ta’ self mal-bank ta’ ħmistax-il miljun ewro. Biss din l-għaqda daħlet għal dan il-piż, għaliex taf li l-poplu Malti u Għawdxi dejjem kienu warajhom; “Qegħdin nagħmlu użu minn waħda mill-isbaħ valuri li għandhom il-Maltin u l-Għawdxin, il-Ġenerożità”.

Azzopardi tenna li l-Gvern għandu jagħmel tajjeb biex jiffinanzja dawn il-proġetti maħluqa għal għan nobbli; “l-Istat m’għandux jitfa l-piż fuq Puttinu biex jiġbor dawk il-miljuni kollha, la hija kawża ġusta”.

Angele Cuschieri minn Puttinu Cares spjegat li bħala għaqda jorganizzaw diversi attivitajiet biex jevitaw milli jitolbu kontinwament l-għajnuna tal-poplu. Biss dawn ma jkunux biżżejjed. “X’fiha ħażin li darba fis-sena, bħala pajjiż ningħaqdu biex nuru solidarjetà? Fl-istess ħin aħna l-għaqdiet ikollna l-opportunità nuru lill-poplu x’qed isir minn naħa tagħna. Ħafna persuni li bbenefikaw mill-għajnuna ta’ Puttinu jitolbuna huma stess biex jidhru sabiex jagħmlu kuraġġ lil min hu għaddej minn xi esperjenza kiefra” kkonkludiet Angele.