Saħħa
“Il-mard tal-qalb qed joqtol ferm iktar mill-Covid” Dr Robert Xuereb

Il-Kap tad-dipartiment tal-kardjoloġija Dr Robert Xuereb qal li filwaqt li madwar id-dinja mietu ‘l fuq minn miljun bil-Covid 19, wieħed irid jiftakar li kawża ta’ mard tal-qalb imutu 17-il miljun ruħ. Dr Xuereb qal li filwaqt li mportanti li wieħed jevita milli jimrad bil-Covid 19, hemm bżonn ferm iktar li wieħed jipprevjeni mill-mard tal-qalb li qed joqtol mijiet kbar ta’ nies fis-sena.

Dr Xuereb qal li “sa issa mietu ‘l fuq minn 40 kulħadd jaf, pero’ kull sena imutulna l fuq minn 900 bil-coronary heart disease, importanti l-awareness fuq il-covid, bħal ħasil ta’ l-idejn, irridu nwasslu l-messaġġ li hemm bżonn nipprevjenu mard tal-qalb, sigarett, zokkor, u l-kolesterol”

Minn statistika li kiseb TVM mingħand Dr Xuereb, jirriżulta li filwaqt li s-sena li għaddiet fl-isptar Mater Dei kien hemm madwar 300 intervent għal mard tal-qalb fix-xahar, din is-sena, l-iktar bejn ix-xhur ta’ bejn Marzu u Mejju niżlu għal 220 fix-xahar. Dr Xuereb qal li din is-sena, anki meta nies ħassew attakk tal-qalb ġej, ma marrux l-isptar.

Dr Xuereb spjega li “ipparagunat mas-snin ta’ qabel kien hemm nuqqas anki ta’ terz ta’ dawk li s-soltu jiġu meta jkollhom attakk tal-qalb, għax meta jiġi b’attakk tal-qalb inkunu nistgħu niftħulu l-arterja u nsalvawlu l-muskolu tal-qalb”

Dr Xuereb qal li bejn il-Ħamis u s-Sibt li ġej, il-Maltese Cardiac Society,se torganizza konferenza virtwali li għaliha se jintervjenu fost l-aqwa sbatax -il speċjalista fil-mard tal-qalb fid-dinja, bis-sehem ta’ konsulenti u tobba minn għaxar pajjiżi madwar id-dinja, fejn se jiddiskutu l-aħjar interventi għall-mard tal-qalb, biex jiġu salvati iktar nies.

Dr Xuereb appella biex f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida, wieħed jieħu opportunita’ u jieħu ħsieb saħħtu, billi jiekol tajjeb, jagħmel eżerċizzju u jnaqqas mill-istress kemm jista’ jkun biex jekk wieħed jintlaqat mill-virus, il-ġisem ikun iktar b’saħħtu.