Unjoni Ewropea
Il-marka ‘CE’ għal prodotti siguri fl-Unjoni Ewropea

Iż-żmien tal-Milied huwa sinonimu max-xiri tar-rigali li nixtru għal ħbiebna, maħbubin u familjari.

Probabbilment ftit huma dawk li jinnutaw li bosta mill-prodotti li nixtru, kemm f’Malta kif ukoll fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea jkollhom marka bl-ittri ‘CE’ fuqhom. Anke jekk rajna din il-marka diversi drabi, forsi ftit nifhmu dik il-marka x’tirrappreżenta.

Il-marka ‘CE’ ilha tintuża fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea u ż-Żona Ekonomika Ewropea, ċioè l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Liechtenstein sa mill-1985 u hija taqsira għall-kelmiet bil-Franċiż ‘Conformité Européenne’.

Huma ħafna l-prodotti li jinbiegħu fl-Unjoni Ewropea li jeħtieġu din il-marka sabiex dawn jiġu kummerċjalizzati. Din il-marka fil-fatt tindika li l-prodott li jkun għall-bejgħ ġie vvalutat mill-manifattur u li hu meqjus bħala prodott li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ sigurtà, saħħa u protezzjoni
ambjentali kollha neċessarji sabiex dan il-prodott ikun jista’ jinbiegħ. Madankollu huwa importanti li wieħed jifhem li għalkemm prodott ikollu l-marka ‘CE’, ma jfissirx li huwa approvat bħala sigur mill-Unjoni Ewropea.

Ta’ min wieħed jinnota li l-marka ‘CE’ mhijiex obbligatorja għall-prodotti kollha li hawn fis-suq tal-Unjoni Ewropea. Tant hu hekk li manifattur, filwaqt li jrid jiżgura li l-prodott tiegħu huwa konformi mar-rekwiżiti stabbiliti kollha, huwa projbit milli jwaħħal il-marka ‘CE’ fuq prodotti li mhumiex speċifikati fid-direttivi tal-Unjoni Ewropea.

Xi eżempji ta’ prodotti li m’hemmx bżonn li manifattur iwaħħal din il-marka fuqhom huma prodotti kimiċi, farmaċewtiċi u kożmetiċi.
Ir-responsabbiltà li wieħed jiddikjara l-prodott bħala konformi mar-rekwiżiti stabbiliti għall-marka ‘CE’ taqa’ kollha fuq il-manifattur u filwaqt li dan m’għandu bżonn l-ebda liċenzja sabiex iwaħħal il-marka, l-ewwel pass li jrid jittieħed huwa li jiddetermina jekk jistax jevalwa l-prodott tiegħu huwa stess jew jekk hemmx bżonn li tiġi involuta xi awtorità partikolari.

X’tista’ tagħmel biex ittejjeb is-sikurezza tal-prodotti fis-suq?

Dawn it-tliet punti li ġejjin jgħinuk tassigura s-sikurezza tal-prodotti li tixtri għalik u għal oħrajn:

 Ixtri prodotti minn ħwienet jew siti elettroniċi li tista’ toqgħod fuqhom ħalli tevita li tixtri prodotti li ma jkunux awtentiċi.

 Aqra l-istruzzjonijiet u/jew twissijiet fuq il-prodott, pereżempju l-età u kif għandu jintuża, b’mod speċjali mit-tfal.

 Irrapporta prodotti li mhumiex sikuri lill-Awtorità għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) biex tittieħed azzjoni jekk ikun il-każ. Tista’ tikkuntattja lill-MCCAA fuq [email protected] jew fuq 2395 2000.

Sabiex tassigura li ma jkunx hemm prodotti perikolużi fis-suq, il-Kummissjoni Ewropea għandha sistema msejħa Safety Gate (Rapid Alert System for Non-Food Consumer Products), li biha l-Istati Membri jaqsmu bejniethom informazzjoni dwar prodotti li jistgħu jkunu ta’ periklu għall-konsumaturi Ewropej u b’hekk tittieħed azzjoni, bħal meta jiġu revokati prodotti mis-suq.

Għal iktar informazzjoni dwar il-marka ‘CE’ tista’ tikkuntattja lill-MEUSAC fuq [email protected] jew permezz tat-telefon fuq 2200 3300.

Artiklu miġbur minn:

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Avtandil Rusia mill-Ġorġja ġie kkundannat 44 xahar ħabs li wara li ammetta li f’Ottubru li għadda wettaq għadd ta’ serqiet minn residenzi differenti. It-tmien serqiet li wettaq saru minn residenzi…

Kronaka

Il-Pulizija qed iżżomm arrestat raġel, u għaddejja bi tfittxija għal raġel ieħor, b’rabta ma’ każ ta’ aggressjoni f’Marsalforn. Fi stqarrija l-Pulizija qalet li raġel ta’ 24 sena mis-Somalja, li jgħix…

NGOs

L-għaqda Voice for Choice jinsabu urtati għall-fatt li l-President ta’ Malta George Vella se jkun qed jindirizza manifestazzjoni kontra l-abort nhar is-Sibt li ġej fil-Belt Valletta. Fi stqarrija sostniet li…

Kronaka

Il-Protezzjoni Ċivili dalgħodu ssejħet biex titfi nar li qabad ġo showroom fit-Telgħa ta’ Gwardamangia, biswit l-isptar San Luqa. In-nar ġie kkontrollat f’ħin qasir u ħadd ma weġġa’. TVM infurmat li…

Aktar