Immigrazzjoni
Il-Marsin iħossuhom barranin f’darhom?

Il-Marsa li hija fost l-iktar lokalitajiet affetwata mill-immigrazzjoni qed tipparteċipa fi programm imsejjaħ Snapshots from the Border b’finanzjament Ewropew. Il-proġett huwa immirat li jifhem l-esperjenza tar-residenti li jistgħu jħossuhom barranin f’darhom minħabba li joqogħdu f’lokalijiet fl-Unjoni Ewropea fejn joqogħdu wkoll bosta immigranti.

Is-Sindku tal-Marsa Josef Azzopardi qal li l-Kunsill tal-Marsa qed jaħdem mal-Awtoritajiet biex ir-residenti jħossuhom aktar siguri għax il-preżenza numeruża ta’ barranin fil-lokalità waslet biex il-Marsin qed iħossuhom barranin fil-lokal. Is-Sur Azzopardi qal li speċjalment fi tmiem il-ġimgħa, il-Marsa tkun aktar miżgħuda bl-immigranti.

“Jekk wieħed jiġi s-Sibt u l-Ħadd fil-Marsa, isib sitwazzjoni fejn qiesek għandek Paceville tal-immigranti għaliex dawn jiltaqgħu l-Marsa biex jixorbu u jieħdu pjaċir. Aħna dejjem nafsu mal-awtoritjiet, nitkellmu mas-supretendent tal-għassa tal-Ħamrun u l-ispettur tal-lokal biex ikollna l-kontroll assolut jiġifieri nitolbu l-għajnuna tal-RIU biex jinżlu fit-toroq tagħna.”

Is-Sindku Azzopardi qal li fl-aħħar 20 sena r-realtà fil-Marsa nbidlet minkejja li l-preżenza tal-barranin kienet minn dejjem.

“L-ewwel nett wieħed irid iqis li konna mdorrijin bil-barranin jiġru fostna peress li aħna xatt u għandna l-port ma kinitx problema però meta ġew b’ammonti kbar u dawn spiċċaw joqogħdu ħdejna kien xokk għax filli kellek in-nies kollha tafhom f’daqqa waħda ta’ ħdejk ma tafux , filli tista’ tafda l-affarijiet u tmur xi mkien bil-kwiet f’daqqa waħda, ma rridx nuża dana, iżda kważi kważi qisek tiġi barranini fi triq tiegħek stess”.

Il-Marsa bħalissa qed tieħu sehem fi programm imsejjaħ Snapshots from the Borders li għandu l-għan li jifhem l-esperjenza tan-nies f’madwar 13-il żona fl-Ewropa li qed iħabbtu wiċċhom mal-isfidi tal-immigrazzjoni. Rappreżentanti ta’ komunitajiet Bulgari u Ungeriżi li qed jgħixu sitwazzjoni simili bħal tal-Marsa huma parti minn dan il-programm biex flimkien jinstabu metodi ħalli jittaffew id-diffikultajiet ta’ lingwa, komunikazzjoni u tinħoloq atmosfera ta’ tolleranza.

“L-ewwel pass fejn tidħol il-lingwa, tajjeb li kunsill bħal tagħna jagħmel korsijiet fejn l-immigranti jitgħallmu l-Malti. Punt ieħor huwa li nippruvaw nifhmu lil xulxin u nippruvaw ngħinu lil xulxin biex fil-lokal ma jkunx hemm konflitt.”

Il-programm Snaphots from the Border b’finanzjament mill-Unjoni Ewropea qed isir bil-kollaborazzjoni tal-Għaqda Mhux Governattiva Kopin.