COVID-19
Il-maskra obbligatorja anke fuq il-bajjiet…

Il-Professur Charmaine Gauci qalet li l-Awtorita’ Maltija tal-Mediċini kellha żewġ rapporti ta’ persuni b’demm magħqud wara li ħadu t-tilqima. Madankollu sostniet l-ebda wieħed minnhom ma ġie ikkonfermat li hu marbut mat-tilqima.

Fil-bulettin mediku ta’ kull ġimgħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika qalet li t-tilqim u l-miżuri wasslu biex qed jonqos l-ammont ta’ tixrid tal-virus fil-komunità u anke n-numru ta’ pazjenti rikoverati fl-isptarijiet. Appellat biex kulħadd jagħmel sforz isegwi l-miżuri biex jibqgħu jonqsu l-każi pożittivi tal-Covid.

Fl-aġġornament mediku ta’ kull ġimgħa, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci, qalet li mindu beda l-programm ta’ tilqim kontra l-Covid 19, l-Awtorità Maltija tal-Mediċini rċeviet 119-il rapport ta’ effetti sekondarji. 77 minnhom wara li ħadu t-tilqima tal-Pfizer, 41 wara l-Astrazeneca u persuna waħda ma kinitx taf liema tilqima ħadet.

Il-Professur Gauci sostniet li dawn kienu effetti sekondarji minimi ħafna li jinkludu deni, għejja, sogħla u emigranja. Qalet li mhux bilfors li dawn kienu ġejjin mit-tilqima imma ġew osservati wara li ħadu t-tilqima. Il-Professur Gauci spjegat ukoll li l-Awtorità Maltija tal-Mediċini kellha 2 każi rappurtati ta’ demm magħqud wara li żewġ persuni ħadu t-tilqima.

”Il-medicines authority kellhom żewġ każijiet li kienu rappurtati ta’ blood clotting pero dawn l-ebda wieħed minnhom ma ġie ikkonfermat li kien relatat direttament ma’ din il-vaccine u allura bħalma dejjem aħna qegħdin ngħidu dawn iż-żewġ każijiet mhumiex konfermati infatti waħda kienet wara li ħadet il-pfizer vaccine u oħra wara l-AstraZeneca vaccine.”

Il-Professur Gauci irreferiet għal dawk li sejħet bħala xniegħat fuq il-media soċjali dwar effetti tat-tilqima u appellat lill-pubbliku biex ma joqgħodx fuqhom għax l-awtoritajiet tas-saħħa dejjem kienu trasparenti fl-informazzjoni mogħtija. Qalet li min ħa l-ewwel doża tal-astrazeneca għandu jieħu wkoll it-tieni doża tal-astrazeneca.

Sal-bieraħ ingħataw 232,335 doża tat-tilqima, b’65,205 jingħataw it-tieni doża. Il-Professur Gauci qalet li din il-ġimgħa l-konsenja tal-pfizer ittardjat għal żmien qasir ħafna u sostniet li kien hemm min kellu appuntament skedat li mbagħad tmexxa għall-ġurnata ta’ wara.

Il-Professur Gauci qalet li fl-24 siegħa sal-Ġimgħa wara nofsinhar ġew irrappurtati 48 każ ġdid minn fost 2,036 swab test, filwaqt li ma kienx hemm rapporti ta’ mwiet fl-aħħar siegħat. L-ammont ta’ nies li fiequ hu ta’ 53 biex issa l-għadd ta’ każi attivi hu ta’ 549. Il-Professur Gauci qalet li 75 fil-mija mill-każi pożittivi għadhom qed ikunu mill-varjant. Sostniet li t-tilqim u l-miżuri wasslu biex niżlu għal 64 l-persuni li qegħdin jingħataw kura fl-isptarijiet f’Malta u Għawdex.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika spjegat kif minn 56% naqsu għal 49% l-ammont ta’ każi ta’ persuni li kienu nfettati bil-Covid mid-djar; minn kuntatti soċjali minn 24 fil-mija naqsu għal 15 fil-mija; mill-postijet tax-xogħol niżlu minn 10.7 fil-mija għal 8.4 fil-mija. Il-Professur Gauci qalet li għalkemm in-nanniet li diġa tlaqqmu huma protetti mill-Covid, appellat biex meta jiltaqgħu man-neputijiet jużaw il-maskri, jaħslu idejhom u jżommu kemm jista’ jkun id-distanza soċjali xorta waħda.

Dwar ir-rapporti ta’ party organizzat fil-jiem li għaddew, il-Professur Gauci qalet li dawn huma illegali; filwaqt li fuq il-bajjiet f’Malta l-liġi għadha tgħid li kull persuna għandha tilbes maskra f’post pubbliku u għalhekk hi obbligatorja. Charmaine Gauci appellat biex in-nies ikomplu jagħmlu ftit iktar sagrifiċċji biex in-numri jibqgħu neżlin.