Unjoni Ewropea
Il-maskri u d-distanzi soċjali fis-summit Ewropew dwar il-budget

Ilhom ma jiltaqgħu fiżikament mill-aħħar ta’ Frar il-mexxejja Ewropej.  Imma dawn mhux żminijiet normali u l-imxija tal-coronavirus żammithom ‘il bogħod għal kważi ħames xhur.

Il-laqgħa fl-Europa Building fil-qalba tad-distrett Ewropew fi Brussell mhux qed issir f’kundizzjonijiet normali lanqas.  Ħadd ma jista’ jersaq lejn il-bini jekk mhux parti minn delegazzjoni.  U d-delegazzjonijiet huma iżgħar fid-daqs.

Il-ġurnalisti li normalment isegwu kollox mill-press centre li jinsab sular u ftit metri ‘l bogħod minn fejn qed isiru l-laqgħat, din id-darba lanqas tħallew jirfsu fil-binja.  Iridu jsegwu kollox online.

Anki l-mexxejja nfushom qed jgħixu realtà differenti.  Mal-wasla l-ebda teħid ta’ jdejn. Anki l-ambaxxaturi u l-konsulenti li normalment jakkumpanjawhom jżommu d-distanza.  Iċ-ċirku huwa ferm aktar ristrett.

Anki d-dikjarazzjonijiet mal-wasla, l-ebda mistoqsija l-ebda kuntatt.  Il-Prim Ministru Ċek Babis ipprova jagħmel dikjarazzjoni bil-maskra imma dejqitu u neżaha.

Wieħed mill-ftit li daħal bla maskra, il-Prim Ministru tal-Ungerija Viktor Orban.

Imbagħad libisha fuq ġewwa fejn il-mexxejja jiltaqgħu madwar il-mejda fejn id-distanza soċjali kienet evidenti. U flok it-teħid bl-idejn, it-tislima bil-minkeb.

Insomma hija sitwazzjoni kemxejn surreali ta’ dan is-summit.  Bil-mexxejja jinħtieġu aktar minn qatt qabel il-kuntatt personali u kelma bejn tnejn jekk iridu jilħqu ftehim malajr dwar il-budget u l-pjan ta’ rkupru, iżda il-coronavirus anki l-proċeduri stabbiliti tas-summit qed ifixkel.

Il-mexxejja ingħalqu bejn erba’ ħitan il-Ġimgħa filgħodu u ħadd ma jaf meta se joħorġu, jekk hux is-Sibt jew il-Ħadd, jekk hux bi ftehim jew mingħajru.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Fi tmiem laqgħa tal-Kunsill għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela, qal li l-Kunsill qabel fuq għadd ta’ punti b’eċċezzjoni għall-Assoċjazzjoni Medika li ma tridx li jsiru attivitajiet bħal…

Kultura

Giuseppe Calì għandu rabta qawwija mal-Knisja tad-Dumnikani fil-Belt, mhux biss b’xogħlijiet ta’ arti tiegħu imma għax tgħammed u għammed lil uliedu f’din il-knisja. Fl-aħħar sena u nofs sar xogħol ta’…

Ambjent

L-għawwiema din is-sena wisq probabbli li qed jirnexxielhom jiskansaw xi tniggiża minn xi brama. Dan minħabba li l-klima sħuna ta’ din is-sena wasslet biex il-qatgħet ta’ bram jidħol qabel beda…

Infrastruttura

Il-proġett tal-parkeġġ pubbliku f’Birżebbuġa, biswit il-Port Ħieles, daħal fil-fażi tal-evalwazzjoni. Fi stqarrija l-Gvern qal li tmien kumpaniji wrew l-interess tagħhom f’dan il-proġett, li se jsir b’investiment ta’ €3.2 miljun mill-Ministeru…

Aktar