Ippjanar u bini
Il-Masterplan il-ġdid huwa pass fid-direzzjoni t-tajba – Is-Sindku tal-Gżira u l-FAA

Il-Masterplan il-ġdid għal Manoel Island, li fost l-oħrajn naqqas l-ammont ta’ bini tal-proġett, intlaqa’ tajjeb mill-Kunsill Lokali tal-Gżira, kif ukoll mill-għaqda Flimkien għall-Ambjent Aħjar, li qalu li l-MIDI tat widen għall-oġġezzjonijiet li kellhom fl-aħħar snin.

F’kummenti ma’ Television Malta s-Sindku tal-Gżira Conrad Borg Manche qal li l-Masterplan il-ġdid huwa pass fid-direzzjoni t-tajba għax huwa pjan li huwa bbilanċjat bejn il-bini u l-ispazji miftuħa; filwaqt li Flimkien għal Ambjent Aħjar qalet li tilqa’ l-masterplan rivedut li qed tqisu bħala ferm aħjar minn dak ta’ qablu.

Il-Masterplan il-ġdid tal-kumpanija MIDI għal Manoel Island jidher li niżel tajjeb mal-Gżirjani u l-ambjentalisti, hekk kif ġiet skartata l-idea tar-reklamazzjoni tal-art fil-baħar u l-iżvilupp ser isir biss fuq 10% tal-art ta’ din il-gżira.

Is-Sindku Conrad Borg Manche qal li l-bidla fil-pjan ħolistiku għal Manoel Island tirrispetta kemm l-ambjent, kif ukoll l-interessi tal-poplu Gżirjan. “Jekk wieħed jara minn fejn tlaqna fl-2016, sa fejn wasalna llum, kien hemm improvement kbir, il-proġett huwa bbilanċjat sewwa issa, l-ispazji miftuħa żdiedu għall-192,000 metru kwadru u l-bini ser ikun just 10% tal-area kollha.”

Is-Sindku żied jgħid li wara konsultazzjoni mal-MIDI, anki ċ-ċimeterji li jmorru lura mijiet ta’ snin ser jiġu rrispettati permezz tal-pjanti l-ġodda. Is-Sindku Borg Manche, li huwa wkoll iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Manoel Island, qal li l-fondazzjoni ser tkun qiegħda tesiġi li l-MIDI tirispetta l-ambjent u l-wirt kulturali fuq din il-gżira.

L-għaqda Flimkien Ambjent Aħjar, l-FAA, li xprunat il-proċess biex eventwalment sar Masterplan ġdid, qalet li tilqa’ l-masterplan rivedut li qed tqisu bħala ferm aħjar minn dak ta’ qablu.

“Nieħdu pjaċir li l-MIDI, ħa jnaqssu l-volum ta’ bini li ser isir fuq Manoel island, barra minn hekk hija xi haga importanti ghalina li l-islip way minn fejn jitniżżlu d-dgħajjes tas-sajjieda, il-kayaks, is-sailing boats u affarijiet tad-dilettanti partikolarment ħa tibqa fil-post.”

Il-kelliem għall-FAA, Jamie Mercieca, żied jgħid li għad hemm ċerti fatturi li baqgħu l-istess bħal tal-Masterplan preċedenti. “Per eżempju ħa jinħoloq roundabout massiv fuq in-naħa tax-xatt tal-Gżira li minħabba dan ir-roundabout u l-biċċa triq li ser issir miegħu il-Gżira u l-Maltin ser jitilfu biċċa sostanzjali mill-promenade li jgawdu fis-sajf. Belt bħal Gżira ‘green open areas’ ma hawn kważi xejn.”

Is-Sur Mercieca qal li Flimkien għall-Ambjent Aħjar ser tkompli tisħaq li Manoel Island għandha tingħata lil poplu, biex titgawda bħala park li jkun ħieles mill-interessi kummerċjali tal-MIDI.

Ara wkoll:

Il-kumpanija MIDI b’masterplan ġdid għal Manoel Island