Lokali
Il-MATSEC b’apoloġija lil studenti tal-Għarbi wara li talbithom jittraduċu nota ta’ suwiċidju

Il-Bord tal-MATSEC skuża ruħu talli talab lill-istudenti biex jittraduċu silta meħuda minn nota ta’ suwiċidju ta’ missier waqt l-eżami tal-O Level tal-Għarbi.

L-eżami sar fil-15 ta’ Ġunju u l-istudenti li għamlu l-eżami kellhom bejn 15 u 16-il sena.

Il-mistoqsija spiċċat imxerrda f’tebqa t’għajn fuq il-mezzi soċjali, b’bosta jistqarru li jinsabu maħsuda u ddiżappuntati bl-għażla ta’ din is-silta.

Fi stqarrija, il-MATSEC qalet li jiddispjeċiha mill-għażla tat-test li l-istudenti ntalbu jittraduċu minħabba s-sensittività tas-suġġett. Assigurat, li l-membri li fasslu l-karta ntagħżlu minħabba l-għarfien tas-suġġett u l-esperjenza fis-settur. Qalet, li fit-tfassil tal-karta l-eżaminaturi assiguraw li l-eżami huwa f’konformità mas-sillabu u mal-abilitajiet differenti tal-istudenti.

Il-MATSEC temmet tgħid li waqt li għandha sistema ta’ reviżjoni biex tevita tali sitwazzjonijiet, madankollu sostniet li jistgħu jseħħu żbalji ta’ ġudizzju bħalma ġara f’dan il-każ.