Budget
Il-MEA tippreżenta lill-Prim Ministru l-proposti tagħha dwar il-budget

Komplew il-laqgħat f’Kastilja bejn il-Gvern, l-imsieħba soċjali u entitajiet oħrajn minn sferi varji tas-soċjetà. Il-Prim Ministru Robert Abela illum saħaq fuq kemm l-għan tal-gvern huwa li l-ħaddiema u min iħaddem ikollhom dħul garantit; filwaqt li stqarr li se jkun qed jiżdied l-infuzar biex l-ebda settur ma jġorr il-piż ta’ ħaddieħor.

F’laqgħa f’Kastilja mal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, il-MEA, il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-għan tal-gvern huwa li l-ħaddiema u min iħaddem ikollhom id-dħul tagħhom garantit. Il-Prim Ministru Abela semma li fix-xhur li għaddew, il-Gvern sab komunità ta’ min iħaddem li hija reżiljenti u mhix lesta li taqta’ qalbha. Dr Abela qal li jinsab fiduċjuż li jekk kulħadd isegwi l-pariri u r-regolamenti tal-awtoritajiet tas-saħħa sa ftit xhur oħra l-pajjiż jista’ jkompli bit-triq tas-suċċess.

Il-Viċi President tal-MEA, Arthur Muscat ippreżenta bosta proposti għall-Budget 2021 li saru b’konsultazzjoni ma’ 900 kumpanija li bejniethom iħaddmu madwar 60,000 ħaddiem. Huwa wera l-apprezzament għall-opportunità li ngħatat l-assoċjazzjoni biex tkun ikkonsultata b’rabta mal-Budget 2021 b’mod partikolari fiż-żmien iebes tal-pandemija. Huwa fisser il-proposti bħala siewja u li jagħmlu sens għall-gvern li jaddottahom.

Aktar tard Dr Abela kellu laqgħa mal-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, is-CRPD. Il-Kummissarju Oliver Scicluna qal li b’effett tal-pandemija komplew jiżdiedu l-ostakli għall-persuni b’diżabbiltà. Semma’ fost l-oħrajn in-nuqqas ta’ terapija fiżika fl-isptarijiet li skont is-Sur Scicluna wassal biex is-sitwazzjoni iggravat fix-xhur tal-pandemija. Dwar l-edukazzjoni qal li huwa konvint li l-aqwa edukazzjoni tingħata fil-klassi speċjalment għall-persuni b’diżabbiltà.

Il-Prim Ministru Abela rrigrazzja lill-Kummmissjoni għall-kontribut tagħha u qal li huwa kruċjali li tibqa’ ssir kritika kostruttiva li qal hija l-bażi għad-djalogu soċjali. Qal li l-eħfef ħaġa għall-Gvern hi li jimponi restrizzjonijiet iżda saħaq fuq il-ħtieġa li wieħed irid jgħarbel sew l-impatt fuq gruppi differenti ta’ nies. F’dan l-isfond stqarr li se jkun qed jiżdid l-infuzar biex l-ebda settur jew ieħor ma jġorr il-piż ta’ ħaddieħor.