Avjazzjoni
Il-Medavia tegħleb il-burraxki fil-Libja u tibqa’ tirnexxi wara 40 sena

Ibbażata f’Malta għal aktar minn 40 sena, il-kumpanija tal-avjazzjoni Medavia, li kienet twaqqfet l-iżjed biex taqdi s-suq Libjan, irnexxielha tiddiversifika l-attivitajiet tagħha, b’mod li għelbet id-diversi buraxxki tal-instabbiltà fil-Libja, li bdew saħansitra qabel il-kriżi preżenti, meta l-Libja u l-Medavia kellhom jiffaċċjaw is-sanzjonijiet tan-Nazzjonijiet Magħquda kontra l-Libja.

Bdiet b’hangar żgħir iżda espandiet biex toffri sensiela ta’ servizzi marbuta mal-industrija tal-avjazzjoni. Il-kumpanija Medavia qed tfakkar storja ta’ 40 sena li matulha kellha t-tlugħ u l-inżul marbuta mal-instabbiltà tal-Libja. Il-kumpanija tiftaħar li minkejja li g]addiet minn kriżi għall-oħra, qatt ma keċċiet il-ħaddiema u llum, bix-xogħol li għandha, qed tissielet biex issib il-ħaddiema.

Il-Kap tar-Riżorsi Umani ta’ Medavia, Ivan Refalo, stqarr li l-akbar tkabbir li kellha l-kumpanija kien fil-manutenzjoni ta’ ċertu tip ta’ ajruplani, settur li fl-aħħar sentejn kważi trippla. Spjega li dan it-tkabbir sar minħabba li l-kumpanija kisbet l-approvazzjoni biex tagħmel it-tiswija ta’ 10 tipi ta’ ajruplani. Qal iżda li l-kumpanija ma tistax tkabbar iżjed minħabba li n-nuqqas ta’ ħaddiema bil-ħiliet neċessarji torbitilhom idejhom.

Ivan Refalo qal “biex timpjega perusna minn pajjiżi terzi, minn barra l-Ewropa, il-proċess hu twil ħafna. Għalkemm irridu nammettu li saru ċertu avvanzi u nsibu għajnuna, biss xorta l-process hu twil u ma nistgħux nibbażaw daqshekk fuqu. Fil-fatt illum ikollna nirrikonoxxu li għal dan iz zmien immedjat, għal ħabta ta’ sena u sena u nofs oħra rridu nikkonsolidaw li għandna u ma nfittxux approvals oħra ta ajruplani.”

Medavia timpjega 220 ħaddiem minn 22 pajjiż differenti. 80 minnhom huma Maltin. Is-Sur Refalo qal li ħafna minn dawk li qed jokkupaw karigi għoljin fil-kumpanija, fosthom tekniċi, telgħu skaluna wara l-oħra wara li bdew bħala apprentisti.

Is-Sur Refalo qal li għalkemm fl-aħħar ġimagħtejn, it-titjiriet lejn Tripli waqfu kollha minħabba l-ġlied, sa ftit ilu Medavia kienet l-unika kumpanija li baqgħet toffri titjiriet bejn l-Ewropa u l-Libja. Qal li fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena operat medja ta’ 15-il titjira fil-ġimgħa.

Is-Sur Refalo qal li mad-diversi servizzi, il-Medavia dal-aħħar żiedet servizz ieħor, li qal għandu jiftaħ toroq ġodda lill-kumpanija.

Ivan Refalo qal “Medavia hi l-unika kumpanija li għandha design approval fit-termini tal-EASA magħrufa bħala part 21 – nimmodifikaw design. Dan mhux biss tibdel livery imma jista’ jinvolvi tibdil fis-seating configuration – minn ajruplan ta’ 50 seat għal 30 imma b’aktar kumdità.”

Is-Sur Refalo qal li għaddejjin b’diskussjonijiet għal aktar kollaborazzjoni mal-Air Malta. Qal li l-kumpanija għandha preżenza f’diversi pajjiżi fosthom fil-Libja, il-Ghana, fis-Sudan t’Isfel u fit-Tuneżija u qal li hu mistenni li jespandu b’servizzi simili f’pajjiżi Afrikani u fir-Russja.”

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Sirjan ta’ 25 sena sofra ġrieħi gravi wara li sofra xi ħruq ikkawżati minn fjamma li ħarġet huwa u jbiddel ċilindru tal-gass. L-inċident seħħ għall-ħabta tal-11:20 fi Triq is-Sibbien f’Marsaskala,…

Annimali

Fis-Siġġiewi, instabu 8 żoni fejn kien qed isir l-insib illegalment. Dan qalitu l-CABS fi stqarrija u saħqet li dawn ix-xbieki li jitpoġġew taħt l-ilma kienu qed jintużaw għall-insib tal-Pispisella, iċ-Ċewċewwa…

Ambjent

Wara li lbieraħ Infrastructure Malta qalgħet siġar mejta fit-Telgħa tas-Saqqajja biex tagħmel il-wisa’ għal siġar ġodda, illum beda x-xogħol ta’ tħawwil. Dalgħodu TVM żar il-post u seta’ josserva l-kumplament tat-tneħħija…

Aktar