Brexit
Il-merkanzija mir-Renju Unit: 80% tad-dazju mħallas se jispiċċa għand l-Unjoni Ewropea

Il-merkanzija mir-Renju Unit se żżid ix-xogħol għall-uffiċjali tad-dwana minħabba li l-prodotti impurtati jridu jiġu skennjati kollha, filwaqt li 80% tad-dazju mħallas se jispiċċa għand l-Unjoni Ewropea.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ qal lil TVM li konxji tal-impatt negattiv ta’ Brexit, l-importaturi mir-Renju Unit ħadmu biex fejn setgħu bdew iġibu prodotti minn swieq oħra Ewropej fejn m’hemmx restrizzjonijiet kummerċjali.

Għall-industrija lokali, ir-Renju Unit hu kkunsidrat bħala suq ewlieni għall-importazzjoni ta’ prodotti, bħall-karozzi u ikel.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ u l-Intrapriżi, il-Perit David Xuereb, qal iżda li l-impatt ittaffa wara l-ħidma ta’ tħejjija li wettqet Malta fl-aħħar 4 snin. Kompla li l-aħħar xhur tal-2020, kienu impenjattivi għal diversi intrapriżi.

“Qabel l-aħħar tas sena kien hemm min stockja sew ghall-ewwel xhur – effetti jinħassu iktar tard dis-sena.”

Il-Perit Xuereb qal li filwaqt li minkejja li r-Renju Unit baqa’ wieħed mis-swieq ewlenin, mindu Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea, l-industrija lokali ddiversifikat aktar, bl-Italja ikun l-akbar suq għall-importazzjoni ta’ prodotti lejn Malta. Żied li l-akbar impatt mistenni jkun fuq l-importazzjoni tal-karozzi, kif ukoll il-mediċina.

”Hemm drive li inżommu mediċini ġejjin mill-Ingilterra – imma hemm ukoll prodotti bhalhom li jiġu minn swieq oħra minn pajjiżi Ewropej u li mhemmx tariffi li hemm bejn UE u Renju Unit.”

Filwaqt li l-VAT se tiżdied fuq il-prodotti kollha impurtati, id-dazju se japplika għall-prodotti li ma jkunux manifatturati fir-Renju Unit, bi 80 fil-mija ta’ dawn il-flus li se jkunu qed jinġabru mid-dwana se jmorru għall-Unjoni Ewropea u 20% jibqgħu għand il-Gvern Malti. Id-Direttur inkarigat mill-Affarijiet Internazzjonali fid-Dipartiment tad-Dwana Ian Muscat, qal li bil-ftehim, prodotti li joriġinaw mir-Renju Unit ma jkunux suġġetti għad-dazju, u għad-dwana dan fisser piż akbar.

”Kollox suġġett għall-formalitajiet tad-dwana, billi jkun hemm prodott li orġina mill-Ingilterra u ma jkunx hemm dazju fuqu, xorta għandna l-obbligu li nivverifikaw l-affarijiet u jistà jkun suġġett għall-ispezzjoni.”

Is-Sur Muscat qal li fl-aħħar tliet snin, id-Dwana żiedet madwar 60 ħaddiem biex tilqa’ għaż-żieda fix-xogħol li kien mistenni jġib miegħu Brexit, fl-oqsma tal-merkanzija li tiġi bl-ajru, fil-kontejners u permezz tal-posta. Ma’ dan sar investiment f’tagħmir ieħor, fosthom vann biex jiġu scannjati fih il-bagalji, li jevita li l-uffiċjali tad-dwana joqgħodu jifluhom waħda waħda.