Lokali
Il-MEUSAC b’logħob interattiv għat-tfal li jattendu Skolasajf

Għal sena oħra tkompliet il-kollaborazzjoni bejn il-MEUSAC u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi fejn il-MEUSAC torganizza logħob interattiv għat-tfal li jattendu Skolasajf. Kull sena dawn l-attivitajiet ikollhom tema differenti. Din is-sena spikkat is-sostenibbilità.

Is-sostenibbilità, il-faqar, l-edukazzjoni, l-ambjent u t-tibdil fil-klima, l-enerġija, is-saħħa, ix-xogħol u l-inugwaljanzi huma fost it-temi li t-tfal li jattendu SkolaSajf qed ikunu mgharfa dwarhom permezz ta’ logħob interattiv, Permezz ta’ dan il-logħob, it-tfal qed jitgħallmu kif jistgħu jadottaw prattiċi sostenibbli fil-ħajja ta’ kuljum. It-Tlieta filgħodu kien imiss l-istudenti ta’ Skolasajf f’Ħaż Żabbar.

Elisa Tanti qalet “konna qed insemmu pajjiżi fl-Ewropa, il-European Union, u konna qed nitkellmu fuq din li jkollna bħal jien naħseb qisha board game, u l-ewwel waħda li tkellimna fuqha kienet il-povertà.”

Mariah Gerada qalet “li m’għandniex narmu plastik ġol-baħar”. U meta narmu plastik ġol-baħar x’jiġri? – “Joqtol il-fkieren”.

Dawn l-attivitajiet huma mibnija fuq il-fatt li Malta, bħall-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea, għandha l-impenn li taħdem fuq is-sbatax-il għan li għandhom jintlaħqu sal-2030 biex l-iżvilupp fid-dinja jseħħ b’mod sostenibbli u b’rispett lejn in-natura.

Il-Manager tal-programmi tal-Fondazzjoni għas-servizzi Edukattivi, Therese Ellul qalet li dal-programm edukattiv qed iseħħ b’kollaborazzjoni mal-Aġenzija MEUSAC li fost il-miri tagħha hemm li twassal għand iċ-ċittadin il-politika tal-Unjoni Ewropea.

Therese Ellul qalet “it-tfal illum il-ġurnata qed jikbru f’dinja fejn il-problemi huma dejjem qed jiżdiedu. Huma ħa jirtu din id-dinja, jiġifieri aħna minn issa ntuhom l-opportunita’ biex ikunu problem solvers huma wkoll u jkunu aġenti tal-bidla li hi meħtieġa biex id-dinja tkun post aħjar għalihom u għal uliedhom.”

Il-Kap tal-MEUSAC, Mandy Falzon, qalet li madwar 500 tifel u tifla qed jattendu dawn l-attivitajiet.

Mandy Falzon qalet “ninvolvu lil dawn it-tfal biex jifhmu x’inhu r-rwol tagħhom bħala ċittadini tal-UE, mhux biss tal-preżent imma anke bħala ċittadini tal-futur biex huma jkollhom rwol attiv kif tiġi disinjata l-UE.”

Mandy Falzon qalet li dawn l-attivitajiet, li jsiru wkoll bl-appoġġ tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, jaħsbu biex dawn il-kunċetti jkunu spjegati lit-tfal bil-lingwaġġ tagħhom u b’eżempji li jistgħu jifhmuhom faċilment.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) qed tħeġġeġ lill-pubbliku sabiex ikun iddixiplinat u jsegwi l-pariri tal-esperti mediċi biss. Fi stqarrrija l-MAM esprimiet tħassib dwar il-proposti tal-Prim Ministru li qalet huma mingħajr bażi…

Kultura

Ir-restawr fuq l-ikbar esebit fil-Mużew Marittimu lest. Il-Pulena, li għamlet żmienha fuq il-pruwa tal-HMS Hibernia, reġgħet lura għall-glorja tagħha. Għalissa fis-skiet għaliex il-pandemija għalqet il-bibien tal-mużewijiet, imma la jerġgħu jiftħu…

Stejjer Umani

Sentejn ilu waqa’ għall-vizzju tad-droga għax tilef lill-ommu u sofra minn sfidi mentali, iżda issa ddeċieda li jidħol għall-programm tal-Caritas biex ikun jista’ jerġa’ jgħannaq lil familtu u jgħin persuni…

Aktar