Lokali
Il-MEUSAC tgħinek tifhem kif tapplika għal Fondi Ewropej

Il-MEUSAC kontinwament taħdem biex tqarreb liċ-ċittadini f’Malta u Għawdex lejn l-Unjoni Ewropea.

Bħala Stat Membru, Malta tibbenefika minn ammont konsiderevoli ta’ fondi Ewropej u għaldaqstant, il-MEUSAC tassisti għaqdiet Maltin biex jisfruttaw dawn il-fondi. Dan nagħmluh minħabba li l-proċess biex tapplika għal dawn il-fondi huwa kemxejn metikoluż, u għaldaqstant, il-Gvern Malti, permezz tal-MEUSAC, joffri din l-għajnuna meħtieġa mingħajr ħlas.

Għaqdiet interessati jiġu megħjuna jimlew l-applikazzjoni neċessarja biex ikunu jistgħu jibbenefikaw minn firxa wiesgħa ta’ fondi Ewropej f’oqsma differenti. Fil-fatt, matul iż-żmien, il-MEUSAC assistiet b’suċċess diversi għaqdiet lokali, bħal
skejjel, kunsilli lokali, għaqdiet mhux governattivi, u entitajiet tal-gvern.

Biex tiffaċilita dejjem aktar il-proċess tal-applikazzjoni għall-fondi, il-MEUSAC minn żmien għal żmien torganizza sessjonijiet ta’ taħriġ. Dawn is-sessjonijiet jiġu ripetuti peress li kontinwament jinħolqu għaqdiet mhux governattivi ġodda u jinbidlu l-persuni fil-kunsilli lokali, skejjel u entitajiet oħra tal-gvern. F’dawn is-sessjonijiet, il-parteċipanti jitgħallmu kif isaħħu l-kapaċità tagħhom biex jiżviluppaw u jissottomettu proposti ta’ proġetti b’saħħithom.

Is-sessjonijiet ta’ taħriġ joffru tgħarif bażiku b’informazzjoni sempliċi, iżda bbażata fuq l-esperjenza, dwar kif tħejji, tiddisinja u tiżviluppa proposta b’saħħitha ta’ proġett. Għal darb’oħra, il-MEUSAC toffri dan is-servizz bla ħlas.

L-interess għal dan it-taħriġ huwa tajjeb ferm ukoll. Infatti, is-sena l-oħra l-MEUSAC organizzat 5 sessjonijiet ta’ taħriġ li b’kollox attendew għalihom ftit iktar minn 140 persuna.

L-ewwel sessjonjijiet ta’ taħriġ għal din is-sena se jsiru nhar is-Sibt 4 ta’ April għal għaqdiet mhux governattivi u skejjel, u l-Erbgħa 8 ta’ April għall-kunsilli lokali u entitajiet tal-Gvern. Is-sessjonijiet sa jsiru bejn id-09.00 ta’ filgħodu u s-01.00 ta’ waranofsinhar.

Iktar dettalji dwar dawn is-sessjonijiet u informazzjoni biex tirreġistra, jitħabbru iktar il-quddiem. Jekk trid tkun minn tal-ewwel biex tirċievi notifikazzjoni, żur l-Events Page ta’ Facebook billi tfittex ‘Capacity Building on Project Development – MEUSAC’.

Għal aktar informazzjoni dwar is-servizzi offruti minn MEUSAC lill-għaqdiet lokali, ikkuntattjana fuq [email protected] jew fuq 2200 3300.

Dan it-tagħrif miġjub minn:

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Il-ġurnalist veteran Reno Bugeja rrapporta għax-xogħol għall-aħħar darba mal-istazzjon nazzjonali wara karriera ta’ 44 sena. Is-Sur Bugeja se jirtira bl-età f’nofs dan ix-xahar wara li għall-aħħar seba’ snin mexxa l-Kamra tal-Aħbarijiet…

Lokali

Issokta r-restawr tal-fortifikazzjonijiet li jinkludu l-Ospizio fil-Furjana biex sas-sajf ta’ sentejn oħra jinfetaħ għall-pubbliku dak li qed jissejjaħ bħala l-ewwel mużew tal-arti kontemporanja f’Malta bl-isem ta’ MICAS. Il-proġett jinkludi fost…

Avjazzjoni

L-Air Malta kitbet paġna oħra fl-istorja tagħha meta ajruplan tal-linja nazzjonali tar għall-ewwel darba lejn l-Indja biex ħa lura f’Kerala 110 ċittadin Indjan f’titjira ta’ ripatrijazzjoni mħallsa mill-gvern. Tkellimna ma’…

Lokali

Il-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment se jingħalaq u l-aġenti ġew infurmati biex ma jaċċettawx iżjed applikazzjonijiet. Minflok ser isiru regolamenti ġodda dwar ir-residenza b’żewġ saffi. Saff minhom jagħti dritt lil persuni li…

Aktar