MEUSAC
Il-MEUSAC tħarreġ organizzazzjonijiet japplikaw għall-fondi tal-UE

Issib min jgħid li l-proċess biex organizzazzjoni tibbenefika minn fondi Ewropej huwa diffiċli u kkumplikat, speċjalment għal dawk l-organizzazzjonijiet li qatt ma ssottomettew applikazzjoni għal fondi tal-Unjoni Ewropea u li allura ma jkollhomx esperjenza f’dan is-settur.

Jista’ jagħti l-każ li organizzazzjoni jkollha riżorsi limitati u ma tkunx taf minn fejn se taqbad tibda.

Kien proprju għalhekk li twaqqfet il-MEUSAC, biex tħaffef dan il-proċess u tassisti għaqdiet mhux governattivi, kunsilli lokali u entitajiet governattivi japplikaw b’suċċess għall-fondi Ewropej.

Biex organizzazzjoni tibbenefika minn fondi tal-Unjoni Ewropea tkun trid tissottometti applikazzjoni li fiha tippreżenta proġett bid-dettalji kollha skont il-kriterji ta’ xi wieħed mill-ħafna programmi ta’ fondi. Fost l-oħrajn, l-applikazzjoni jrid ikun fiha kif se jintefqu l-flus li jkunu qegħdin jintalbu, ir-riżultati li mistennija jintlaħqu permezz tal-proġett u kif dan jindirizza l-prijoritajiet tas-sejħa partikolari. Importanti wkoll li l-applikazzjoni għall-fondi tkun kompetittiva, għaliex mhux kull min japplika għall-fondi jeħodhom awtomatikament.

Minħabba l-kuntatt kontinwu ma’ diversi entitajiet u l-esperjenza li akkumulat f’diversi snin, il-MEUSAC taf tajjeb id-diffikultajiet li ħafna organizzazzjonijiet jiffaċċjaw meta jkunu qed jiżviluppaw il-proġetti tagħhom.

Għaldaqstant, il-MEUSAC issa qed toffri wkoll taħriġ fuq il-proċess involut għall-iżvilupp ta’ proġett u t-tfassil tiegħu permezz ta’ sessjonijiet diversi mqassma matul is-sena u li jiffukaw fuq gruppi differenti ta’ entitajiet.

It-taħriġ ikopri diversi suġġetti, fosthom l-istadji differenti tal-proċess għall-iżvilupp ta’ proġett bħall-analiżi tal-ħtiġijiet, l-għanijiet u l-oġġettivi ta’ proġett.

Din is-sena l-MEUSAC diġà organizzat żewġ sessjonijiet ta’ taħriġ – waħda f’Malta u l-oħra f’Għawdex – għal għaqdiet mhux governattivi u skejjel. Bejn iż-żewġ attivitajiet attendew ftit aktar minn 90 parteċipant ġejjin minn għaqdiet diversi li jaħdmu f’setturi differenti. Ir-reazzjonijiet ta’ ħafna mill-parteċipanti kienet pożittiva u ħafna minnhom issa jħossuhom aktar preparati biex jiżviluppaw proġett.

Fl-istess waqt, il-MEUSAC issa qiegħed fil-proċess li jorganizza żewġ sessjonijiet oħra ta’ taħriġ fuq l-istess suġġett fix-xahar ta’ Lulju – din id-darba għall-kunsilli lokali kollha ta’ Malta u Għawdex.

Min jixtieq aktar informazzjoni fuq dan it-taħriġ jew fuq kif tista’ tibbenefika minn fondi tal-Unjoni Ewropea ibgħat email lil [email protected] jew ċempel 2200 3300.

 

Tagħrif miġbur minn:

Aħbarijiet Oħra
Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, appella lill-Gvern biex jgħin bi kwalunkwe mod possibbli biex itaffi xi ftit mill-piżijiet finanzjarji meħtieġa biex jitmexxa s-santwarju tal-Arka ta’ Noe fil-Mellieħa fejn…

Politika

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, George Hyzler, ikkonkluda li stqarrija li l-Ministru għall-Ġustizzja, Owen Bonnici ħareġ, permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni, ma kinitx tikser il-kodiċi ta’ etika. Il-Kummissarju Hyzler investiga ilment imressaq mill-Avukat…

Immigrazzjoni

Kelliem għall-Forzi Armati ta’ Malta qalet li l-Guardia Costiera Taljana m’għandhiex permess iddaħħal f’Malta 90 immigrant li ġew salvati dal-lejl. Il-Forzi Armati jisħqu li kienu qed isegwu s-sitwazzjoni tal-immigranti li…

Edukazzjoni

Il-Kummissarju għall-Edukazzjoni fl-Uffiċċju tal-Ombudsman, Charles Caruana Carabez, qal li se jinvestiga kemm hi kbira l-problema tan-nuqqas ta’ għalliema wara li fl-aħħar jiem uffiċjali fil-Ministeru għall-Edukazzjoni ndikaw li tista’ tinħareġ sejħa…

Aktar