Temp
Il-mewġa tas-sħana mistennija tkompli tul din il-ġimgħa

It-tieni mewġa ta’ sħana dan is-sajf, ftit ġimgħat wara l-ewwel waħda, ħalliet lil ħafna bla nifs.

L-uffiċċju metereoloġiku qed ibassar li dawn il-mewġiet ta’ sħana mistennija jkomplu sal-Ħamis li ġej b’temperaturi li jibqgħu jmissu t-38 u d-39 grad Celsius.

Wara l-Ħamis it-temperatura għandha tonqos u tinżel lejn il-medja ta’ 33 grad Celsius.

Is-sħana qiegħda tagħmel tagħha bi ġranet jilħqu sal-40 grad Celsuis.

Tkellimna ma’ diversi nies li qalulna li ż-żieda fit-temperatura qiegħda taffettwalhom il-mod tal-għajxien tagħhom u saħħithom.

Meta staqsejna jekk humiex jieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa l-maġġoranza qalulna li fil-fatt jixorbu żewġ litri kuljum u li ma tantx qegħdin jissaportu joħorġu lanqas ħdejn il-baħar ħlief mara partikolari li kien għaliha s-sajf ikun is-sena kollha.

“Jiena ma ngħid xejn … ma ddejjaqnix is-sħana … jien ix-xitwa ddejjaqni … il-ġurnata kollha ma ninqalax mix-xemx … bħall-bieraħ, minn filgħodu sa filgħaxija”.

In-nies li kellimna għandhom l-idea żbaljata li s-‘sunblock’ jintuża ħdejn il-baħar biss meta staqsejnihom jużawhx.

Tkellimna ma’ Dr Paula Vassallo li tatna aktar tagħrif fuq kif wieħed għandu jieħu l-prekawzjonijiet meħtiega kontra l-qilla tas-sħana u x-xemx.

“Aħna bħala Direttorat tal-Protezzjoni tas-Saħħa nkomplu nwasslu l-messaġġ noqogħdu attenti b’dawn l-effetti tas-sħana, nieħdu l-prekawzjonijiet, importanti li wieħed ma joħroġx f’dawk il-ħinijiet l-iktar sħan tal-ġurnata, nixorbu ħafna ilma, jekk noħorġu nilbsu ħwejjeġ addattati fosthom mhux issikkati, napplikaw is-‘sun protection’, nilbsu l-kpiepel, brieret u nuċċalijiet tax-xemx, nevitaw ġranet sħaħ ħdejn il-baħar, nevitaw xorb alkoħoliku, tè u kafè, nieklu ikel frisk u nevitaw milli nagħmlu eżerċizzju fiżiku fl-agħar ħinijiet tax-xemx”.

Dr Vassallo wissiet ukoll fuq il-puplessija bis-sħana, magħrufa bħala Heat Stroke, fejn wieħed saħansitra jintilef minn sensih, iħossu konfuż u wieħed isofri wkoll minn aċċessjonijiet.

Hija wissiet biex kif wieħed iħoss wieħed minn dawn is-sintomi jċempel mal-ewwel l-Emerġenza.