Lokali
Il-mewt ta’ Zack Meli tispiċċa wkoll fuq l-aġenda parlamentari

Żvolta fil-każ tal-mewt taż-żagħżugħ Zack Meli li tilef ħajtu f’Paceville. Iż-żagħżugħ Bulgaru Denis Davkov li kien mistenni jitressaq il-Qorti mixli bil-qtil tiegħu, ġie meħlus mill-arrest bil-police bail wara li ħareġ ir-riżultat prelimanari tal-awtopsja fuq Zack Meli kif ukoll b’riżultat ta’ aktar investigazzjonijiet mill-Pulizija li possibilment biddlu d-dinamika tal-inċident.

Il-mewt taż-żagħżugħ ġiet trattata wkoll fil-Parlament bi stqarrija ministerjali.

Jidher li l-Pulizija għandha f’idejha każ partikulari għall-aħħar fl-investigazzjoni tagħha dwar il-mewt ta’ Zack Meli li kellu 24 sena u li tilef ħajtu fis-sigħat bikrin tal-Ħadd f’Paceville. Għalkemm kien maħsub li t-Tnejn il-Pulizija setgħet tressaq iż-żagħżugħ Bulgaru, Denis Davkov ta’ 19-il sena u tixlieh li kkaġuna l-mewt ta’ Zack Meli allegatament b’daqqa ta’ ponn fuq moħħu, il-Pulizija wara iktar investigazzjonijiet u pariri legali u mediċi qed tikkunsidra mill-ġdid il-każ. Sorsi qrib il-Pulizija qalu lil TVM li fl-aħħar sigħat l-affarijiet setgħu ħadu xejra differenti minn kif kien irrapurtat u ngħad fil-bidu.

Dan seħħ kemm minħabba r-riżultat preliminari tal-awtopsja li ma sabet l-ebda sinjal ta’ vjolenza fuq Zack Meli kif ukoll għaliex il-Pulizija kompliet teżamina l-filmati ta’ cameras tas-sigurtà u tkellmet ma’ aktar persuni li raw lil Zack Meli, kemm qabel kif ukoll wara l-argument. Skont sorsi infurmati, iż-żagħżugħ ma deherx f’sikktu anke qabel l-argument, u għal xi raguni li għad trid tiġi stabbilita, deher anke jogħtor.

Il-Pulizija mistennija tistenna r-riżultati tat-testijiet tossikoloġici li possibilment jitfgħu iktar dawl dwar il-kundizzjoni ta’ Zack Meli u r-raġuni tal-mewt tiegħu qabel tikkunkludi x’passi oħra ser tieħu jew ma tiħux dwar dan il-każ. Għalissa l-katavru ta’ Meli ma ġiex rilaxxat għad-difna.

Sadanittant fil-Parlament, l-Aġent Prim Ministru Chris Fearne u miegħu ngħaqad il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia esprima kondoljanzi mal-familja ta’ Zack Meli. Dr Fearne fl-istess waqt appella lill-Kamra tad-Deputati u lill-midja għall-kawtela biex waqt li għaddejjin l-investigazzjonijiet u l-inkjesta maġisterjali jkunu prudenti u jevitaw l-ispekulazzjonijiet sakemm jiġi stabilit il-kawża tal-mewt. L-Aġent Prim Ministru ta gieħ lill-Pulizija għal ħidma tagħhom u stqarr li żball favur jew kontra persuna jista’ jkollhom konsegwenzi serji.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni ma tridx tiskurja punti politiċi minn dan l-inċident. Dr Delia stqarr li l-Pulizija qed tagħmel l-aħjar li tista’, iżda argumenta li l-Gvern irid jinvesti aktar fis-sigurtà għax sostna li hemm problema ta’ kriminalità u ta’ sigurta f’Paceville u dan qed ikun ta’ inkwiet kbir għaż-żgħażagħ u għal familji.

 

Ara hawnhekk x’qalu Dr Chris Fearne u Dr Adrian Delia:

Ara wkoll:

 

AĠĠORNAT: Il-Bulgaru jinħeles b’police bail – l-awtopsja ma turix li kien hemm sinjali ta’ vjolenza fuq Meli

 

 

Aħbarijiet Oħra
Kultura

Statwa tal-Madonna li kellha tagħmel il-wisa’ għall-proġett tal-Kappara se tirritorna fl-inħawi f’niċċa ferm isbaħ. Ix-xogħol fil-ġebla miexi ġmielu bil-għan li fi żmien tliet xhur, fil-ġenb tal-pont ikun hemm niċċa monumentali…

Politika

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, allega li l-ħaddiema barranin qed jaħdmu b’kundizzjonijiet anqas mill-prekarjat. Waqt attività politika f’Tas-Sliema bħala parti mill-Kunsill Ġenerali, Dr Delia qal li l-Gvern qed…

Qorti

Raġel Malti talab lill-Qorti tal-Familja tagħtih il-kustodja ta’ bintu ta’ 4 snin li spiċċat tgħix fi sptar mentali fl-Iżvizzera flimkien m’ommha. Il-Qorti semgħet kif l-omm, li hija Ġermaniża, kellha problemi…

Unjoni Ewropea

Il-Gvern ħabbar li nnomina tliet kandidati għall-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, hekk kif it-terminu tal-Imħallef Vincent A. De Gaetano se jiġi fi tmiemu lejn l-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena. Fi…

Aktar