Knisja Maltija
Il-ħajja u l-mewt ta’ żewġ qassisin fi żmien qasir tispira żewġ żgħażagħ għas-saċerdozju

Il-mewt qasir il-għomor u fi spazju ta’ sitt xhur ta’ żewġ qassisin li kienu jagħtu servizz pastorali fiż-Żejtun kienet ta’ ispirazzjoni għal żewġ żgħażagħ minn din il-lokalità biex bdew jaħsbu aktar bis-serjetà fis-sejħa tagħhom u eventwalment bdew il-mixja tagħhom fis-Seminarju. Għada, Roderick Baldacchino u Jean-Claude Scembri, se jiġu ordnati saċerdoti.

It-tnejn għandhom 25 sena, trabbew u għexu ż-Żejtun, u kienu attivi ħafna fil-Parroċċa ta’ Santa Katerina. Għada, d-djakni Roderick Baldacchino u Jean-Claude Schembri se jiġu ordanti saċerdoti. Minn din il-parroċċa, kienu ilu kważi għoxrin sena ma jkollhom saċerdot djoċesan.

Meta tkellmu fuq is-sejħa u l-formazzjoni tagħhom, ħareġ ċar li l-ħajja u l-mewt ta’ żewġ qassisin li servew fil-parroċċa taż-Żejtun ħallew marka fuqhom u fid-deċiżjoni li ħadu biex wieġbu “iva” għas-sejħa tas-saċerdozju. Dawn kienu: Dun Rene’ Cilia li miet f’inċident tat-traffiku fl-2012 u Dun Eric Overend li kien l-Arċipriet taż-Żejtun u miet għall-għarrieda s-sena ta’ wara.

Dun Roderick Baldacchino qal “hawnhekk kellna grazzja ta’ ħafna qassisin li tawna eżempju sabiħ. Però b’mod speċjali nsemmi 2 li huma Dun Rene’ Cilia u Dun Eric Overend. Wieħed kien Viċi Arċipriet u ieħor arċipriet. Bl-eżempju, bil-ħeġġa u bil-ħidma tagħhom fil-parroċċa stajna naraw kemm kienu viċin t’Alla għax minkejja l-ħafna xogħol kienu jsibu dak il-ħin ta’ talb, u anke viċin tal-poplu għax veru kienu jħobbu lir-raħal u lill-poplu Żejtuni u kienu jservuh bl-aħjar mod.”

Jean-Claude Schembri qal “l-iktar mument li immarkani kien il-mewt ta’ 2 saċerdoti li kienu jaħdmu fil-parroċċa tagħna, Fr Eric u Fr Rene’, li l-mewt tagħhom u l-mod kif ġrat f’tant qasir żmien ftit xhur ‘il bogħod minn xulxin imbuttatni iżjed biex infittex x’hemm verament f’qalbi. Jekk tgħidli xħassejt, ngħidlek ħassejt litteralment sejħa, qisu f’qalbi ħassejt das-sens ta’ stedina li l-Mulej qed jgħidli nixtieq li bħalma dawn it-tnejn taw ħajjithom għalija u għall-poplu tiegħi nixtieq li inti tagħmel l-istess.”

Dun Roderick qal li l-ħajjiet dawn iż-żewġ qassisin għenuh jagħraf sejħa u xewqa li kellu mindu kien żgħir anke jekk u ma kienx jaf x’titlob il-ħajja saċerdotali.

“Meta kienu jistaqsuni meta kont żgħir xi trid issir kont ngħid qassis imma ma kontx nifhem eżatt x’tinvolvi, x’titlob eċċ. Iktar m’għadda ż-żmien imbagħad dejjem kien hemm gruppi anke b’mod speċjali wara l-Griżma li dħalt fihom li għenuni nfittex aktar. Kien hemm il-grupp tal-abbatini u kien hemm anke l-Mużew.”

Dun Jean-Claude stqarr li qabel ma wieġeb għas-sejħa, kien hemm mumenti fejn din donnha tqegħdet fil-ġenb.

“Jiena nemmen li s-sejħa kibret miegħi, jiġifieri sa minn meta kont żgħir kont inħoss ftit jew wisq din is-sejħa pero’ bħal kulħadd jiġu żminijiet li l-iskola tkun qed tieħu xi ftit ta’ preċedenza allura forsi ma tibqax taħseb fuqha wisq. Jekk tgħidli bejn 11 u 14 ma kontx naħseb fuqha daqshekk.”

Eċitati u xi ftit beżgħana qabel l-ordinazzjoni, Dun Roderick u Dun Jean-Claude qalu li dan mhuwiex il-punt tal-wasla imma l-punt tat-tluq. Sostnew li jsibu l-paċi fil-ħsieb li l-Mulej li mexxihom s’hawn, se jmexxihom tul il-ħajja saċerdotali tagħhom.

Ma’ dawn iż-żewġ djakni, se jiġu ordnati saċerdoti wkoll Joshua Cortis mill-Ħamrun u Mark Scicluna tal-Ordni tal-Kappuċċini. L-ordinazzjoni saċerdotali se titmexxa mill-Arċisqof Charles Scicluna u se tixxandar fuq TVM2, għada fid-disgħa u nofs ta’ filgħodu.