Unjoni Ewropea
Il-mexxejja tal-UE jaqblu fuq fond ta’ rkupru ekonomiku

Il-Mexxejja tas-27 pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea għadu kif temmew konferenza virtwali li matulha qablu fuq fond ġdid ta’ emerġenza u rkupru ekonomiku biex bih jipproteġu l-postijiet tax-xogħol, in-negozji u l-pajjiżi l-agħar milquta mill-pandemija, speċjalment Spanja u l-Italja.

Fil-laqgħa, il-Prim Ministru Robert Abela tkellem dwar il-kwistjoni tal-immigrazzjoni u l-impatt tas-sitwazzjoni fil-Libja.

L-Ewropa, hi l-agħar milquta mill-pandemija b’aktar minn 110,000 vittma tal-Coronavirus. Id-daqqa hija kbira u daqstant ieħor, jekk mhux akbar fuq l-ekonomija.

Quddiem din is-sitwazzjoni bla preċedent, l-Unjoni Ewropea reġgħet tinsab maqsuma – kif kienet fil-kriżi ekonomika tal-2009 – bejn il-pajjiżi għonja fin-naħa ta’ fuq tal-Ewropa li ma tantx intlaqtu daqstant ħażin mill-pandemija u dawk fin-naħa t’isfel – bħal Spanja u l-Italja – li qed jibku għall-għajnuna biex jerġgħu lura fuq saqajhom.

Bil-bini tal-Kunsill Ewropew fi Brussell fejn is-soltu jiltaqgħu l-mexxejja jinsab magħluq minħabba l-lockdown fil-Belġju, is-27 mexxej fosthom il-Prim Ministru Robert Abela ltaqgħu b’mod virtwali biex jikkunsidraw proposti għal kif se jgħinu l-aktar pajjiżi milquta u kif se jagħtu spinta lill-ekonomija Ewropea b’mod ġenerali.

Il-President tal-grupp tal-pajjiżi li jużaw l-ewro, il-Portugiż Mario Centeno qal li ġimagħtejn ilu, il-Ministri tal-Finanzi taż-żona ewro qablu fuq fond ta’ emerġenza biex il-pajjiżi milquta jkollhom aċċess għal madwar 500 biljun ewro. Madankollu qbil ma kienx faċli tant li l-Olanda baqgħet tirrifjuta talba tal-Italja biex ikun hemm forma ta’ dejn komuni.

“Remember, in a union as ours, we are only as strong as our weakest member”

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li d-diskussjoni bejn il-mexxejja fuq is-saħħa u r-risposta ekonomika għall-pandemija qed issir fid-dawl ta’ xokk komuni, u jidher li hemm qbil biex il-Kummissjoni tingħata mandat taħdem fuq pjan u fond għal irkupru ekonomiku. Il-fondi mistenni jkollu valur ta’ żewġ triljun ewro.

Il-Prim Ministru mistenni jitkellem mill-ġdid fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni u l-impatt tas-sitwazzjoni fil-Libja, fosthom il-proposta ta’ Malta għal għajnuna umanitarja lil Libja u l-importanza li tiġi indirizzata l-isfida tat-traffikar tal-persuni.

Fil-laqgħa straordinarja, il-mexxejja mistennija jaqblu wkoll fuq kif b’mod kordinat se jibdew ineħħu r-restrizzjonijiet li daħlu fis-seħħ fl-aħħar ġimgħat biex irażżnu t-tixrid tal-COVID-19.