Il-MIDI u l-Kunsill tal-Gżira pożittivi fuq il-futur ta’ Manoel Island

Kważi lest il-master plan għall-iżvilupp ta’ Manoel Island li qed isir mill-periti Foster and Partners. Sadanittant, il-konsorzju MIDI qed jistenna l-permessi tal-Awtorità tal-Ippjanar biex iżid l-ilqugħ fiż-żona aċċessibbli għall-pubbliku u b’hekk Manoel Island tinfetaħ għall-pubbliku b’mod permanenti.

Ftit aktar minn xahrejn mindu ngħata aċċess limitat għal Manoel Island wara sensiela ta’ protesti u battibekki . . . fi żjara fil-gżira fi tmiem il-ġimgħa stajna nosservaw bosta jirrikreaw ruħhom f’ambjent kwiet.

Minkejja li fl-aħħar ġimgħat ma kienx hemm komunikazzjoni bejn il-kunsill tal-Gżira u l-konsorzju MIDI – it-tnejn esprimew sodisfazzjon bil-mod kif żvolġew l-affarijiet u t-tnejn għandhom il-pjani għall-ġejjieni ta’ Manoel Island.

Il-kap eżekuttiv tal-MIDI, Luke Coppini qal l-aċċess mit-Tnejn sal-Ħadd għal Manoel Island se jingħata wara li l-konsorzju jikseb il-permess mill-Awtorità tal-Ippjanar biex jirranġa u jżid l-ilqugħ maż-żona aċċessibbli għall-pubbliku, bil-għan li jonqos il-periklu.

“Biex l-aċċess ikun iktar liberu u meta dak il-permess jiġi approvat u x-xogħlijiet isiru, naturalment l-aċċess ikun prattikament permanenti. Ovvjament suġġett għax-xogħlijiet li jkunu qed isiru fuq Manoel Island,” qal Coppini.

Is-Sur Coppini qal li l-ilqugħ se jkun madwar it-triq li twassal għax-xatt; tgħaddi minn wara Lazzaretto u tasal sa Forti Manoel. Din hi l-istess żona li diġà bdiet titgawda mill-pubbliku fi tmiem il-ġimgħa.

“Lazzaretto naturalment qiegħed fi stat perikolanti – fil-fatt għamilna applikazzjoni anke mal-Planning Authority biex nibdew xi xogħlijiet u l-forti Manoel l-aċċess huwa magħluq għalkemm ikollna ħafna visti organizzati,” jkompli jispjega Coppini.

Sadanittant, beda x-xogħol ta’ restawr fuq il-kappella ta’ San George f’Manoel Island. Is-sur Coppini qal li l-masterplan tal-iżvilupp ta’ Manoel Island, li qed jaħdmu fuqu l-periti ta’ Foster and Partners hija kważi lesta. “Issa wasalna fl-istadju li niddiskutuha mal-awtoritajiet biex kmieni s-sena d-dieħla nibdew l-proċess tal-applikazzjonijiet kollha fuq Manoel Island.”

Is-Sindku tal-Gżira, Conrad Borg Manché, qal li wara li nfetaħ l-aċċess limitat il-kunsill għamel talba għall-ġurisdizzjoni ta’ Manoel Island. “Jiġifieri ż-żona ta’ Manoel Island taqa’ taħt il-Kunsill bħalma effettivament hemm Tignè taqa’ taħt il-Kunsill ta’ Tas-Sliema; qiegħda ċara fuq il-mapep li jaqgħu taħt il-liġi 363 tal-Kunsilli Lokali. Aħna biex niġġustifikaw l-ispejjeż li hemm bżonn isiru, bħal cameras, xi fencing… dik li suppost ħa nagħmlu flimkien mal-konsorzju MIDI,” spjega Borg Manchè.

Fi żvilupp ieħor b’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema u l-konsorzju MIDI żdied l-aċċess għall-pubbliku f’żona tax-xatt ta’ Tignè wara li tneħħiet grada u żdiedu s-sinjali li jindikaw il-periklu.

Aħbarijiet Oħra
Turiżmu

Il-Maltin jivjaġġaw l-iżjed bl-ajru, u skont statistika tal-Eurostat, 63 fil-mija tal-vjaġġi tal-Maltin fl-2017 saru bl-ajru. Dan ipoġġi lil Malta fl-ewwel post, anke meta mqabbel ma’ gżejjer oħra. Fil-fatt, filwaqt li…

Qorti

Fil-Qorti llum ngħalqu l-provi kontra Liam Debono, li qed ikun akkużat bl-attentat ta’ qtil tas-Surġent Simon Schembri fil-15 ta’ Mejju 2018. Il-proċeduri issa mistennija jkomplu billi jinħareġ l-Att ta’ Akkuża…

Politika

L-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa li tirrappreżenta 47 pajjiż, approvat rapport kritiku dwar is-saltna tad-dritt f’Malta li tħejja mill-Parlamentari Olandiż Pieter Ormtzigt. Ir-rapport ġie approvat bit-72 vot favur, 18-il vot kontra…

Propjetà

Il-membru tal-Bord tal-Ippjanar tal-Awtorità tal-Ippjanar, Matthew Pace, mhuwiex preżenti għal-laqgħa tal-lum li fiha qed tkun diskussa l-applikazzjoni għall-proġett Townsquare t’Tas-Sliema. Il-ġimgħa li għaddiet il-Qorti tal-Appell sabet li s-Sur Pace kellu…

Aktar