Lokali
Il-Milied jasal ukoll għat-tfal ta’ Fra Diegu li qed jirċievu l-imħabba kuljum

Għal uħud, il-Milied jaf ikun żmien aktar iebes minn oħrajn matul is-sena … fosthom għal tfal li minħabba raġunijiet varji ma jgħixux mal-ġenituri tagħhom. TVM żar waħda mid-djar residenzjali tat-tfal immexxija mill-Knisja, fejn sab ambjent ta’ sfida u ta’ imħabba minn dawk inkarigati mit-trobbija ta’ familja oħra.

Il-Milied għar-residenti fi djar għat-tfal hu żmien ta’ sfida partikulari għall-istess tfal minħabba li jħossu aktar in-nuqqas tal-ġenituri tagħhom – li għal raġuni jew oħra ma jistgħux jgħixu magħhom.

B’għożża kbira, l-aministrazzjoni u l-carers jagħmlu l-almu tagħhom biex joffru lit-tfal ambjent ta’ familja magħquda.

Iltqajna ma’ Audrey Aquilina waqt li kienet qed tħejji platt sħun lit-tfal li jgħixu f’wieħed mit-tliet appartamenti f’Dar Fra Diegu fil-Ħamrun. Audrey hi waħda minn żewġ carers ewlenin li hemm f’kull appartament. Qalet li t-tfal ikunu ħerqana biex mill-bidu tax-xahar iżejnu kull rokna tal-appartament fejn jgħixu.

“Għalija hija opportunità kbira li nista’ nagħti l-imħabba lil dawn it-tfal u tgħinhom jikbru anke bħala relazzjoni hawnhekk. Tarahom li jinħabbu bħal aħwa normali. Daqqa jiġġieldu, però imbagħad ma joqogħdux mingħajr xulxin u jaqbżu għal xulxin,” spjegat Audrey. “Iħossu li qed tagħtihom l-imħabba, speċi li dawn l-affarijiet li qed tagħmel dejjem tixtiqilhom il-ġid u tgħinhom jikbru minn kull aspett.”

F’Dar Fra Diegu jgħixu sbatax-il-tifel u tifla ta’ bejn l-erbgħa u s-sittax-il sena. Bil-għan li ssaħħaħ il-kunċett ta’ familja, l-amministrazzjoni poġġiet lit-tfal fi gruppi żgħar ta’ mhux aktar minn sitta f’kull appartament.

“Jgħixu numru żgħir ta’ tfal u bi grupp żgħir ta’ nies li huma involuti fil-ħajja tagħhom. Ir-raġuni tkun biex inżommu n-nies li huma iżjed b’mod konsistenti fil-ħajja tagħhom u b’inqas nies li magħhom ikollhom il-bżonn li jibnu rabta bħala tfal mal-adulti,” spjega Mark Pellicano, Manager ta’ Dar Fra Diegu.

Il-Manager tad-dar, Mark Pellicano qal li kull deċiżjoni tittieħed skont il-ħtiġijiet ta’ kull tifel u tifla. Uħud mit-tfal se jqattgħu Jum il-Milied mal-ġenituri jew ma’ persuni oħra importanti f’ħajjithom, oħrajn se jqattgħuh flimkien f’din id-dar. “Naraw li jkollhom Milied sabiħ bħal kull tifel u tifla oħra fejn nagħmlu l-ikla tal-Milied noħorġu.”

It-tfal ikollhom bosta ħarġiet u jieħdu sehem fil-funzjonijiet u l-attivitajiet li jsiru fil-komunità tal-Ħamrun.