Lokali
Il-Ministeru għal Għawdex se jiffinanzja l-multi-sensory room għal Dar Arka bi spiża ta’ €45,000

Kamra multisensory ġdida f’Dar Arka f’Għawdex sabet l-appoġġ tal-Ministeru għal Għawdex li bi ftehim mal-Fondazzjoni Arka daħal għall-ispejjeż kollha tal-proġett.

Dar Arka f’Għajnsielem li toffri servizzi u residenza għall-persuni b’diżabilità, għaddejja bi proġett biex tbiddel kamra multi sensory li toffri terapija għall-persuni b’diżabbilità. Il-proġett sab l-għajnuna tal-Ministeru għal Għawdex li ta €45,000 li jirrappreżentaw l-ispejjeż kollha għal din il-kamra.

Id-Direttur ta’ Dar Arka, Dun Michael Galea, spjega li l-kamra multi sensory hi riżorsa importanti ħafna fil-proċess ta’ terapija tal-persuni b’diżabbilità minħabba li fost oħrajn toffri ambjent interattiv, ta’ rikrezzjoni, u wkoll edukattiv.

“Qed ngħixu fi żmien li huwa diffiċli, ħafna attivitajiet ta’ fundraising li kienu jħallulna ċertu dħul, f’din l-aħħar sena minħabba l-pandemija kellna nwaqqfuhom, imma l-pjan tagħna kien li nagħmlu din il-multi sensory room ġdida għar-residenti tagħna. Bl-għajnuna tal-Ministeru nistgħu nkomplu dan il-proġett b’risq il-persuni b’diżabbilità.”

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri innota li f’Dar Arka għaddejjin bosta xogħlijiet ta’ tisbiħ sabiex id-Dar tkun tista’ toffri l-aħjar servizzi lir-residenti li għandhom diżabbilitajiet varji.

Qal li l-Ministeru għal Għawdex dejjem ħadem biex jara t-tisħiħ tal-ġustizzja soċjali u għalhekk qatt ma ddejjaq ikun ta’ spalla finanzjarja għall-fondazzjonijiet u għaqdiet bħal Dar Arka.

Dar Arka teħtieġ miljun Ewro u nofs fis-sena u bħalissa toffri residenza għal 15-il persuna b’diżabbilità. Ħames snin ilu nfetħet Dar il-Ġublew tal-Ħniena li tilqa’ 5 persuni b’diżabbilità li jistgħu jgħixu ħajja indipendenti.