Lokali
‘Il-Ministeru Soċjali wettaq 95% tal-manifest elettorali fosthom miżuri li naqsu l-qgħad b’90%’

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal ta rendikont tal-wegħdi elettorali li wettaq matul din il-leġiżlatura li qed toqrob lejn tmiemha. Il-Ministru Michael Falzon qal li s’issa twettqu 95% tal-proposti għal dan is-settur u rrefera għall-miżuri li wasslet biex l-għadd ta’ nies fuq il-beneffiċċju tal-qgħad fl-aħħar tmien snin naqas b’90%. Semma kif fost il-proposti li fadal biex jitwettqu hemm dawk mabuta mal-pensjoni tar-romol.

Il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal wettaq 95% tal-proposti fil-qasam soċjali li l-Partit Laburista għamel fil-manifest elettorali għal din il-leġiżlatura.

F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat li twettqu b’kollox 24 minn 34 proposta. Ingħad li tliet kwarti ta’ tmien proposti oħra huma lesta u mistennija jitwettqu sal-aħħar ta’ din is-sena.

Il-Ministru Falzon elenka wħud mill-proposti li twettqu kompletament fl-aħħar snin u li għamlu differenza fil-ħajja tan-nies. Semma l-pensjonijiet li fi tmien snin qal żdiedu sitt darbiet. Qal li l-gvern mar lil hinn mill-wegħda tiegħu li jżid il-pensjoni bi tmien ewro fil-ġimgħa u li l-budget għas-sena d-dieħla l-Gvern se jkompli jindirizza lill-pensjonanti.

“Għandek miżuri li huma marbutin ma’ pensjoni ta’ romol. Bażikament dik hija the main issue li fadal il-kumplament ikun magħluq jekk Alla jrid. Wieħed iżomm f’moħħu li ż-żmenijiet ta’ dawn l-aħħar sena u nofs kienu żmenijiet diffiċli fejn minkejja kollox imxejna ħafna ‘l quddiem fil-qasam soċjali.”

Il-Ministru Falzon spjega kif bil-miżuri żdiedu n-nies fid-dinja tax-xogħol – bl-għadd tan-nisa fid-dinja tax-xogħol qatt ma kien li hu llum. Żied jgħid li l-għadd ta’ nies fuq il-beneffiċċju tal-qgħad fl-aħħar tmien snin naqas b’90% u minn iktar minn 4,000 fl-2013, f’ Lulju ta’ din is-sena kien hemm 451 persuna.

Il-Ministru qal li f’Lulju ta’ din is-sena kien hawn ukoll lanqas numru ta’ nies fuq il-benefiċċju soċjali minn kemm ilhom jinżammu r-rekords, u llum hawn l-akbar għadd ta’ nies jaħdmu.

Irrimarka li l-in-work benefit minn madwar miljun ewro fis-sena fl-2015, is-sena li għaddiet minkejja l-pandemija l-benefiċċju tela’ għal 4.5 miljun ewro. Tkellem ukoll dwar iċ-children’s allowance; il-benefiċċju għal min jiffosterja; u l-għotjiet għal min jaddotta tfal minn barra u minn Malta.

Fi kliem il-Ministru Falzon, dan hu l-impenn soċjali li l-gvern jemmen fih u se jkompli jinvesti fih.