COVID-19
AĠĠORNAT: “Ma kellna ebda każ ta’ persuna b’sintomi tal-Covid waqt SkolaSajf”

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni ċaħad rapporti mxandra fil-midja soċjali li fl-iskola primarja ta’ Ħal Qormi San Ġorġ, hemm każ ta’ COVID-19, u appella għar-responsabbilità biex ma tinxteridx informazzjoni skoretta.

F’kummenti lil Television Malta, il-Ministru tal-Edukazzjoni, Owen Bonnici, qal li ma ngħalaq ebda ċentru ta’ Skola Sajf għax ma kienx hemm kuntatt ta’ persuni infettati bil-virus ma’ studenti jew membri tal-istaff. Appella lill-ġenituri biex għall-informazzjoni jsegwu biss sorsi uffiċjali.

Il-Ministru Bonnici, qal li fl-iskejjel kollha, qegħdin jittieħdu l-prekawzjonijiet biex jiġi assigurat li ma jkun hemm ebda każ ta’ Covid-19. Ma’ Television Malta, il-Ministru spjega kif wara li saru l-verifiki kollha, jista’ jgħid li fl-aħħar jiem ma kienx hemm bżonn li jingħalaq ebda wieħed miċ-ċentri ta’ Skola Sajf.

“Ma kellna ebda każ fejn persuna esebiet is-sintomi tal-COVID waqt li kienet f’wieħed miċ-Ċentri ta’ Skola Sajf. Il-prekawzjonijiet jittieħdu dejjem, kemm prekawzjonijiet ta’ nies li jidħlu fl-iskejjel, jittieħdu testijiet u jittieħdu proċeduri, u anki f’każ li jkun hemm xi ħadd li esebixxa is-sintomi tal-COVID barra mill-iskola, jew id-dar, hemmhekk ukoll anki jekk mhux fl-iskola nieħdu l-prekawzjonijiet.”

Dr Bonnici żied jgħid li l-Ministeru tal-Edukazzjoni għaddej b’taħditiet ma’ dawk kollha involuti, biex xahrejn oħra, l-istudenti kollha jirritornaw fl-iskejjel.

“Sabiex imorru lura kemm jista’ jkun biex l-edukazzjoni titkompla, però naturalment irridu nkompluha billi nieħdu wkoll il-prekawzjonijiet u dawn il-prekawzjonijiet qegħdin jiġu diskussi, analizzati, u nibnu fuq l-esperjenza li diġà ksibna bil-ftuħ taċ-Child care centres, kemm bil-ftuħ ta’ skola sajf, kemm bil-ftuħ tal-lezzjonijiet tar-reviżjoni tas-SEC.”

Wara li qed tirriżulta informazzjoni żbaljata fil-midja soċjali dwar xi ċentri ta’ Skola Sajf, il-Ministru Bonnici appella lill-ġenituri biex jieħdu l-informazzjoni minn sorsi uffiċjali biss.

“Ġieli kien hemm każijiet ta’ nies li kien allarmaw lill-ġenituri inġustament, li ma naħsibx li huwa sewwa. Aħna bħala Minsisteru tal-Edukazzjoni qegħdin nimxu fuq il-fatti, l-Awtoritajiet tas-Saħħa qegħdin jagħmlu xogħol eċċellenti u qegħdin jagħtu servizz tajjeb ħafna u jiena nappella lil kulħadd biex ikun responsabbli f’dak kollu li jgħid sabiex ma jinkwetax persuni oħra għalxejn.”

Il-Ministru Bonnici kien qiegħed jitkellem waqt it-tnedija tal-fiera Ichoose fil-lukanda Excelsior, fejn l-istudenti li lestew l-iskola sekondarja huwa mistiedna jiltaqgħu ma’ istituzzjonijiet edukattivi li fihom jistgħu ikompli bl-istudji tagħhom. Il-fiera dwar l-opportunitajiet fl-edukazzjoni post sekondarja tissokta s-Sibt sas-siegħa ta’ wara nofsinhar.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija, MAM, u l-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, MUMN, ħabbru azzjoni industrijali fid-dawl li l-attivitajiet tal-massa ma twaqqfux milli jiġu organizzati waqt il-pandemija tal-Covid. Il-MAM ordnat sensiela ta’ direttivi…

Lokali

Bejn din is-sena u s-sena li ġejja fiż-żona tat-tlett ibliet u l-Kalkara se jkunu qed isiru mal-25 proġett ta’ restawr varji fosthom fuq il-Forti Ricasoli, s-swar ta’ Santa Margerita u…

Lokali

Melvin Theuma, l-intermedjarju fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, baqa’ f’qagħda stabbli. Fi stqarrija l-Pulizija qalet li Theuma għadu fit-taqsima tal-ENT fl-isptar Mater Dei. It-Tlieta 21 ta’ Lulju 2020, Theuma nstab…

Barranin

L-Iżvezja li ma marritx għal lockdown waqt din il-pandemija, irreġistrat tnaqqis ta’ 8.6% fl-ekonomija bejn ix-xhur ta’ April u Ġunju meta mqabbel mat-tlett xhur ta’ qabel. Skont l-uffiċċju tal-istatistika tal-pajjiż…

Aktar