Politika
Il-Ministru Abela jiltaqa’ ma’ għaqdiet taż-żgħażagħ u jħeġġiġhom isemmgħu leħinhom

Il-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmelo Abela, qal li hu jixtieq li jara t-tisħiħ tal-attiviżmu żagħżugħ fil-ħajja demokratika bħala parti mid-djalogu soċjali fil-pajjiż.

Il-Ministru Abela qal li filwaqt li huwa sodisfatt bix-xogħol li għaddej fid-djalogu soċjali formali bejn il-gvern, ir-rappreżentati tal-ħaddiema u min iħaddem hemm spazju għas-suċċess taż-żgħażagħ biex huma wkoll jagħtu l-kontribut tagħhom għall-futur tal-pajjiż.

Huwa qal dan waqt li ltaqa’ ma rappreżentanti mill-għaqdiet taż-żgħażagħ JEF u MaltMun. F’din il-laqgħa dawn l-għaqdiet tkellmu fuq l-għajnuna li ħadu mill-MEUSAC sabiex iwettqu l-proġetti tagħhom fil-qasam tal-attiviżmu taż-żgħażagħ b’dibattiti fuq suġġetti ta’ natura nazzjonali, Ewropea u globali.

Iż-żewġ għaqdiet iddiskutew mal-ministru d-dokumenti politiċi li huma ifformulaw fil-proġetti tagħhom biex isaħħu l-ħiliet taż-żgħażagħ fejn jidħlu teħid ta’ deċiżjonijiet u bini ta’ opinjonijiet f’suġġetti bħad-demokrazija u l-apatija qalb komunitajiet żgħażagħ Ewropej.

Il-Ministru semma kif dan huwa gvern li jemmen fiż-żgħażagħ, u allura dawn għandhom jieħdu interess fid-deċiżjonijiet li jittieħdu, hekk kif dawn id-deċiżjonijiet jaffettwaw il-futur tagħhom. Il-gvern fl-2018 emenda l-Kostituzzjoni biex l-età tal-votazzjoni ġiet riveduta u Malta saret it-tieni pajjiż fl-Unjoni Ewropea li naqqset l-età tal-vot għal elezzjonijiet tal-parlament nazzjonali u Ewropej għal dik ta’ 16-il sena.

Il-Ministru Abela appella liż-żgħażagħ sabiex ma jħallux il-COVID iwaqqafhom milli joħolmu u jibqgħu attivi fis-soċjetà. Qalilhom li permezz tat-teknoloġija jistgħu xorta jkunu kreattivi u jibqgħu jsemmgħu l-vuċi tagħhom.