Parlament
Il-Ministru Byron Camilleri jiċħad li jintuża xi siġġu bħala kastig fil-ħabs

L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi għandha għodda li tintuża beix tirristrinġi priġunieri f’każ li joffru periklu jew sfidi partikulari, iżda ċaħdet li hemm xi siġġu li jintuża bħala kastig. Dan intqal mill-Ministru għall-Intern, Sigurtà Nazzjonali u Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri fi tweġiba parlamentari lid-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami.

Il-Ministru Camilleri qal li l-liġi stess tipprojbixxi li apparat ta’ dan it-tip jintuża għal kastigi. Huwa żied jgħid li s-sena li għaddiet kien hemm priġunier li nżamm fuq siġġu għal ħmistax-il minuta sakemm ma baqax ta’ perilku għalih innifsu u seta’ jingħata l-attenzjoni meħtieġa. Qal li dan l-apparat intuża skont regoli ċari stabbiliti mil-liġi. Il-Minsitru Camilleri qal ukoll illi l-Aġenzija għas-servizzi korrettivi ċaħdet rapport li priġunieri jinżammu mingħajr ħwejjeġ. Qal li fejn ikun hemm priġunier li jkun ta’ periklu għalih innifsu, dan jitlibbes ħwejjeġ li ma jkunux jistgħu jitqattgħu. Żied jgħid li f’dan il-każ il-priġunier jiġi mgħasses il-ħin kollu sakemm issir analiżi minn esperti mediċi.

Intant fi tweġibiet oħra lill-istess deputat il-Ministru Camilleri qal li 552 priġunier minn popolazzjoni  ta’ 908 priġunieri huma ta’ nazzjonalità barranija. 60 mill-priġunieri kollha huma nisa.