Lokali
Il-Ministru Cardona jagħmel stqarrija mal-Pulizija dwar l-allegat preżenza tiegħu f’bar mal-Fulu

Il-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona fi stqarrija kkonferma li lbieraħ għamel kuntatt mal-pulizija eżekuttiva u offra d-disponibbiltà tiegħu lill-awtoritajiet biex jiċċara l-allegazjonijiet in kwistjoni.

Il-Ministru Chris Cardona ta stqarrija lill-Ispettur Keith Arnaud, l-uffiċjal prosekutur fil-proċeduri kriminali kontra t-tliet suspettati fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

B’referenza għall-intervista mxandra, il-Ministru kategorikament jiċħad li kien fil-bar nhar il-Ħadd 3 ta’ Diċembru 2017, ġurnata qabel seħħ l-arrest tal-persuni akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u li qatt ma kellu laqgħa mal-akkużati u wisq anqas ftiehem mal-akkużati biex jiltaqgħu.

Il-Ministru fl-istqarrija spjega li hu ġieli kien fil-bar in kwistjoni s-Sibt jew il-Ħadd, meta jkun hemm il-partiti tal-football li jintwerew fuq it-televiżjoni u ilu jagħmel dan diversi snin, inkluż qabel ma laħaq Ministru.

Huwa rrijafferma dak li qal fl-aħħar sigħat, f’kummenti mal-ġurnal The Times of Malta, fejn irrisponda fin-negattiv meta kien mistoqsi jekk qatt kienx mal-akkużati fil-bar u saħaq li ma jeskludix il-possibilità li seta’ kien hemm xi wieħed mis-suspettati fl-istess ħin, bl-istess mod kif ma jeskludix li kien hemm diversi persuni oħrajn inklużi esponenti politiċi mill-PN.

Dr Cardona fakkar fl-istqarrija li l-allegat xhud f’dan il-każ ġie introdott mal-membri tal-midja minn uffiċjal għoli tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.