Qorti
AĠĠORNAT: “Ma kontx parti mill-kitchen cabinet tal-eks PM Muscat” – Edward Scicluna

Issoktat l-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia bix-xhud ewlieni llum kien il-Ministru Edward Scicluna. Il-Professur Scicluna qal li minkejja li kien Ministru tal-Finanzi ma kienx jagħmel parti mill-eqreb persuni fiċ-ċirku tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat. Fil-Qorti, stqarr li fl-2016 kien ta parir lil Dr Muscat biex iżomm bogħod minn Konrad Mizzi u Keith Schembri meta kien żvelat l-iskandlu tal-Panama Papers.

Il-Ministru Scicluna sostna li hu ma kienx involut fit-tfassil u fl-iffirmar tal-ftehim dwar il-kuntratti tal-Electrogas u l-VGH.

Waqt li kien qed jixhed fl-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li fl-2016 kien ta parir lil ex Prim Ministru Joseph Muscat biex inneħħi mill-Kabinett lill-ex Ministru Konrad Mizzi u jżomm ‘l bogħod mill-ex Chief of Staff Keith Schembri wara li sar magħruf li kellhom kumpaniji sigrieti fil-Panama. Il-Professur Scicluna qal li ma kienx jifforma parti minn dak li sejjaħ ‘kitchen cabinet’ ta’ Dr Muscat, li kienu jagħtu l-pariri lill-ex Prim Ministru f’deċiżjonijiet importanti, fosthom il-proġett tal-Electrogas u l-kuntratt tat-tliet sptarijiet lill-kumpanija VGH.

Mistoqsi mill-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi li qed jidhru parte civile għall-familja Caruana Galizia, dwar kif alloka fondi għall-proġetti bħal dak tal-Electrogas, il-Professur Scicluna wieġeb li hemm dgħufijiet fis-sistema ta’ kif jiġu allokati l-finanzi. Fisser kif id-difetti fis-sistema wasslu biex ikunu approvati sensiela ta’ proġetti mingħajr il-ħtieġa li jkunu approvati minnu. Żied jgħid li Projects Malta kienet tamministra dawn il-proġetti u li kieku dawn il-kuntratti tħallew f’idejn id-dekastru tiegħu, żgur li kienu jsiru aħjar.

Dwar il-kuntratt li ngħata lill-Electrogas biex tibni u tmexxi l-power station il-ġdida, huwa qal li l-uniku rwol tal-Ministeru tiegħu kien li jfassal il-garanzija biex il-banek jipprovdu s-self, u dan seħħ fi stadju iżjed tard meta il-kuntratt kien diġa’ ffinalizzat. Il-Professur Scicluna qal li personalment ma kienx jaf lin-negozjant Yorgen Fenech li huwa wieħed mis-sidien tal-Electorgas u tal-kumpanija sigrieta 17 Black u li allegatament ordna l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-bord tal-inkjesta, magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino, l-ex Imħallef Michael Mallia u l-Imħallef Abigail Lofaro, laqa’ t-talba tal-avukat Comodini Cachia li d-dokumenti tal-Mnisteru tal-Finanzi marbuta mal-kuntratt tal-Electrogas jkunu esebiti fis-seduta li jmiss. Il-Professur Scicluna qal li m’għandux problemi biex jissottometti dawn id-dokumenti minkejja li tenna li l-kuntratt tal-Electrogas kien mmaniġġjat minn Projects Malta u mhux mid-dekasteru tiegħu.

Aħbarijiet Oħra

Il-viżjoni li tixpruna l-programm li tħejja għall-istaġun li jmiss ta’ Spazju Kreattiv taħseb biex tegħleb l-isfidi tal-Covid-19, bl-organizazzjoni ta’ 400 attività bis-sehem ta’ 320 artist u 17-il għamla ta’ arti…

Fil-Jum Dinji tat-Tindif, l-attivitajiet f’Malta kienu ffukati biex iwasslu messaġġ dwar il-ħsara li jagħmel il-plastik fil-baħar. Minn attivitajiet ta’ tindif f’erba’ bajjiet popolari, f’għodwa waħda nġabru ‘l fuq minn 150…

Aktar