COVID-19
Il-Ministru Falzon jgħid bħalissa mhemmx każi ta’ Covid-19 f’Casa Antonia

Intant, il-Ministru għall-Familja Michael Falzon qal li l-anzjani f’Casa Antonia kollha fiequ mill-Covid-19 u bħalissa m’hemmx każi pożittivi f’din id-dar.

Waqt li kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Chris Said, il-Ministru Falzon qal li f’Dar San Ġużepp fil-Fgura fiequ iktar minn mitt anzjan u l-każi ta’ Covid-19 f’din ir-residenza tal-anzjani niżlu għal inqas minn tletin. Huwa qal ukoll li l-gvern alloka żewġ miljun ewro li ngħataw lid-djar tal-anzjani – tal-gvern, il-knisja u l-privat biex ikopru spejjeż żejda li kellhom jagħmlu minħabba l-imxija tal-Covid-19.

Fid-seduta tal-lum, id-deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li laqa’ t-talba mill-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni David Agius, biex il-parlament jiddiskuti s-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’seduta l-ġimgħa d-dieħla. Is-Sur Agius talab ukoll li ssir stqarrija jew dibattitu mingħajr vot dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19.