Edukazzjoni
Il-Ministru għall-Edukazzjoni jsegwi lezzjonijiet online mill-MCAST

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici għamel żjara fl-MCAST fejn seta’ jsegwi xi lezzjonijiet li kienu qed isiru online bejn l-istudenti u l-edukatur mid-djar tagħhom wara l-għeluq temporanju tal-iskejjel.

Il-Ministru Bonnici ħeġġeġ lill-edukaturi biex ikomplu b’dan il-proċess ta’ tagħlim online għall-istudenti tagħhom. L-edukaturi jistgħu jitolbu appoġġ f’dan direttament permezz tal-iskejjel tagħhom jew permezz tas-sit web u tal-linji telefoniċi għall-għajnuna https: //digitalliteracy.skola.edu.mt/.

Huwa rringrazzja lill-edukaturi kollha għall-mod eżemplari li qed juru waqt l-isfida ta’ din is-sitwazzjoni bla preċedent. Esprima l-apprezzament tiegħu lill-istaff tal-IT li tant qed jagħtu sapport sabiex isir dan it-tagħlim diġitali kif ukoll lill-ħaddiema tal-manutenzjoni u tat-tindif li tant qed jaħdmu sabiex ilestu l-iskejjel għal meta l-istudenti u l-edukaturi jidħlu lura.

Repożitorju tar-riżorsi edukattivi jinsab disponibbli fuq www.curriculum.gov.mt u qed jiġi aġġornat kontinwament.