Politika
Il-Ministru Herrera u l-Kap tal-Oppożizzjoni jiddibattu l-att ta’ interpretazzjoni

Il-Ministru tal-Kultura Jose Herrera qal li l-liġi dwar l-att ta’ interpretazzjoni qed issir wara insistenza mill-Moneyval li għandha opinjoni legali Ewropea, fejn trid li Malta tassigura li tieħu azzjoni fuq ħasil ta’ flus u tagħti sanzjonijiet finanzjarji proporzjonati, li jservu ta’ deterrent u li jkunu effettivi mingħajr dewmien mhux meħtieġ fir-reviżjoni ġuridika.

Huwa kien qed iwieġeb lill-Kap tal-Oppożizzjoni, li qal li meta d-deputati huma marbuta li jkunu leali lejn il-kostituzzjoni, tressaq l-abbozz dwar l-att ta’ interpretazzjoni li sostna li jmur kontra l-kostituzzjoni u jnaqqas id-drittijiet fundamentali tal-individwu.

Huwa rrefera għal żewġ sentenzi tal-Qorti fuq żewġ multi amministrattivi, li minħabba li l-ammont għoli tagħhom, dawn jitqiesu sanzjoni kriminali u jistgħu jingħataw biss mill-qorti wara smigħ xieraq. Il-Qorti Kostituzzjonali qalet li fejn il-multi jkunu sostanzjali, id-dritt irid jiġi salvgwardat il-ħin kollu.

L-Avukat Grech qal li l-gvern kellu jirtira abbozz li jemenda l-kostituzzjoni għax ried maġġoranza ta’ tnejn minn tlieta u ppreżenta l-abbozz dwar l-interpretazzjoni għax irid maġġoranza sempliċi.

Huwa sostna li l-Oppożizzjoni mhux se tħalli li min jgħaddi fuq id-drittijiet taċ-ċittadini. Qal li fost dawk li ma qablux mal-abbozz hemm l-eks Imħallfin Giovanni Bonello u Anthony Borg Barthet u l-Kamra tal-Avukati, fost oħrajn.

Qal li l-Oppożizzjoni lesta tgħin u tagħmel emendi tajbin wara li l-gvern jirtira dan l-abbozz u jemenda liġijiet oħrajn.

Intant, il-Minsitru Herrera qal li l-liġi Maltija ma tagħtix tifsira ta’ x’jikkostitwixxi reat kriminali. Huwa qal li taħt gvernijiet Nazzjonalisti nħolqu mal-400 tribunal b’setgħat li jappartjenu lill-Qorti, fosthom sekwestru u għoti ta’ multi ħorox.

Qal li dak iż-żmien il-Gvern Nazzjonalista ma kienx iħoss li dan imur kontra l-kostituzzjoni. Fost dawn, il-Ministru Herrewra semma’ l-bord ta’ kummissunarji speċjali li postu ttieħed mit-tribunal għall-ġustizzja amminsitrattiva bl-istess poteri.

Saqsa għaliex kien inħoloq tribunal minflok qorti amministrattiva. Huwa qal illi prinċipju ewlieni fl-abbozz huwa li piena amministrattiva, anki jekk hija kbira, ma tistax titqies bħala reat kriminali. L-emendi xorta wahda jħallu t-triq miftuħa għal proċeduri fil-Qorti.