Budget2021
Il-Ministru Ian Borg dwar il-budget 2021 – “Se nkomplu ninvestu fl-infrastruttura ta’ pajjiżna”

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Ian Borg, qal li l-Gvern qed jerġa’ jinvesti fi skema li tagħti t-trasport pubbliku b’xejn liż-żgħażagħ minn 14 sa 20 sena, lill-istudenti kollha full-time, lill-persuni b’diżabilità u lill-anzjani kollha ta’ 70 sena u aktar.

Semma li l-Gvern se jkompli jinvesti f’mezzi alternattivi ta’ trasport fosthom f’faċilitajiet għall-mixi u għaċ-ċikliżmu u se jitnieda proġett pilota ta’ SafeCycle Routes.

Qal li qed jiġu allokati €4.5 miljun għal skemi li jwasslu għal skrappjar ta’ vetturi li jniġġsu, xiri ta’ vetturi nodfa, xiri ta’ vetturi elettriċi, bidla minn petrol għal sistema ta’ gass, xiri ta’ pedelecs u muturi żgħar. Se jkompli l-investiment fl-infrastruttura għall-vetturi elettriċi u se jkun hemm roħs ta’ 35% fuq il-ħlas annwali tal-liċenzja taċ-ċirkolazzjoni għall-vetturi u muturi li jilliċenzjaw l-użu biss fi tmiem il-ġimgħa u l-festi.

Il-Ministru Borg qal li s-sena d-dieħla se jkompli l-Proġett tas-Central Link u se jingħata bidu għal proġetti oħra bħal dawk tal-junctions qrib l-Ajruport u l-Proġett tal-Imsida Creek. Se jkompli wkoll il-bini ta’ toroq residenzjali, proġetti li jħaddru l-ambjent urban u diversi investiment fl-infrastruttura marittima.

Żied jgħid li “se nkomplu ninvestu fl-infrastruttura ta’ pajjiżna. L-infrastruttura li hija ta’ kulħadd, ma tfissirx biss it-toroq imma anki l-aspett marittimu. L-importanza tagħha li nnaqqsu t-traffiku, inaqqsu l-emissjonijiet imma anki jkollna pajjiż aktar effiċjenti, kemm f’dak li għandu x’jaqsam trasport fuq l-art imma wkoll fuq il-baħar.”

Dwar il-proġett tal-fast ferry, il-Ministru Borg qal li jinsab iddiżappuntat li għal darb’oħra l-proċess reġa’ waqaf. Qal li l-Gvern flimkien ma’ Transport Malta jrid jara d-deċiżjoni tal-Public Contracts Review Board u jittama li meta jimxi mar-rakkomandazzjonijiet li għamel, toħroġ sejħa oħra li tingħalaq b’suċċess. Temm jgħid li l-Gvern huwa kommess li jimplimenta dan il-proġett.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Artijiet u l-Kostruzzjoni, Chris Agius, qal li l-estensjoni tal-iskemi eżistenti fuq xiri u bejgħ ta’ proprjetà se jwasslu għal aktar Maltin u Għawdxin li jsiru sidien ta’ djarhom. Semma fost oħrajn il-miżura tal-first time buyers, it-tnaqqis fuq il-boll u r-roħs fit-taxxa fuq proprjetà mogħtija minn ġenituri lil uliedhom b’donazzjoni. Is-Segretarju Parlamentari Agius qal li l-gvern jinsab impenjat li jkompli jwettaq it-tibdil meħtieġ fil-qasam tal-bini u l-kostruzzjoni, bit-twaqqif tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni, l-introduzzjoni ta’ Fond ta’ Kumpens, u r-regolazzjoni tas-settur tal-aġenti tal-proprjetà.