Lokali
Il-Ministru Joe Mizzi ma jinstabx ħati li allarma lill-pubbliku

Il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi ġie lliberat wara li kien akkużat li permezz tal-artiklu Water Crisis li kien miktub f’The Times of Malta nhar is-26 ta’ Ġunju, 2007 xerred aħbarijiet foloz li x’aktarx jallarmaw lill-pubbliku.

Joe Mizzi, li dak iż-żmien li nkiteb l-artiklu kien il-Kelliem ewlieni tal-Oppożizzjoni dwar is-servizzi infrastrutturali tressaq il-Qorti flimkien ma’ Ray Bugeja li dak iż-żmien kien l-editur tal-ġurnal imsemmi. Huma kienu tressqu l-Qorti wara ilment li kien għamel il-Perit Michael Falzon, li dak iż-żmien kien iċ-Chairman tal-Water Services Corporation.

Ray Bugeja kien ġie illiberatt nhar l-14 t’Ottubru 2008  wara li l-Perit Michael Falzon kien iddikjara li ma kellux interess li titkompla l-akkuża kontra l-editur tal-ġurnal.

Quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud instema’ li l-proċeduri ilhom għaddejjin mis-27 ta’ Settembru, 2007, meta l-akkużat illum il-ġurnata huwa l-Ministru inkarigat mis-settur imsemmi. F’dan il-każ il-Qorti nnotat li kien hemm dewmien bla bżonn.

Fis-sentenza tiegħu l-Maġistrat Joseph Mifsud qal li ma jirriżultax li l-artiklu msemmi fih aħbarijiet foloz jew li kien imxandar bl-intenzjoni speċifika li jiġi allarmat il-pubbliku. F’dan l-isfond, il-Ministru Mizzi ġie lliberat.