Il-Ministru Mizzi: It-‘transport card’ se tingħata b’xejn fl-ewwel sena

F’laqgħa mall-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, il-Minsitru tat-Trasport Joe Mizzi qal li l-prijorità fuq is-servizz tat-trasport pubbliku se tkun it-‘transport card’ li tkun tista’ tiġġedded. B’hekk jonqos id-dewmien li jkun hemm sa llum biex jinxtara biljett minn fuq tal-linja.

Matul l-ewwel sena minn meta tidħol fis-seħħ din it-‘transport card’ se tingħata b’xejn.

Huwa qal lill-imsieħba soċjali li se jkun hemm aktar rotot frekwenti li f’sena se jkunu żiedu bi tliet miljun kilometru.

Qal li t-trasport pubbliku se jkun aktar kredibbli u effiċjenti u se jkollu sistema aħjar ta’ IT.

Il-Ministru Mizzi qal li f’Marzu se tibda kampanja t’għarfien dwar dawn il-bidliet li se jkunu qed isiru fit-trasport pubbliku.

Il-kumpanija Spanjola Autobuses de Leon se ddaħħal gradwalment ir-rotot il-ġodda tal-linja minn Marzu sal-aħħar tas-sena u sas sajf se tixtri 142 xarabank ġdida. B’kollox se taħdem bi 360 xarabank, 85 iktar minn kemm kellha l-Arriva.

Iċ-Chairman Felipe Cosmen kien qal lil tvm.com.mt li sal-aħħar tas-sena, l-kumpanija mistennija timpjega 300 mitt ruħ oħra, inkluż 100 xufiera ġodda li se jingħaqdu mat-800 ta’ bħalissa.