Budget
Il-Ministru Scicluna jitkellem dwar l-akbar deċiżjoni tal-budget fost miżuri oħrajn

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-Ministeru li jmexxi hu huwa responsabbli mill-budget kollu iżda hemm 16-il miżura li jrid jimplimentahom il-Ministeru stess. Fost l-akbar deċiżjoni tal-budget hemm kemm se jkun id-defiċit, 5.9% bil-Professur Scicluna jispjega li meta l-Gvern jippjana l-ispiża jkun marbut mad-dħul li jrid idaħħal u jekk irid jonfoq aktar irid jissellef. Qal li Gvern Laburista kien kontra l-prinċipju li jissellef u anzi kien jagħmel surplus.

“Issa li għandna din is-sitwazzjoni, jitlob li nonfqu u allura anki li nisselfu. Però trid tissellef ċifra li la se tweġġgħek għall-quddiem, sena, sentejn, tlieta wara, bħal ħafna pajjiżi li għandhom id-dejn għoli, u lanqas baxxa li ma tagħtikx l-ispazju biex tkun tista’ tgħin lin-negozji u lill-familji li bħalissa għandhom bżonn.”

Barra minn hekk fost miżuri oħra responsabbli minnhom il-Ministeru għall-Finanzi hemm l-aġġustament għall-ħelsien mit-taxxa fuq il-pensjonijiet, fosthom dawk miżżewġin li se jiffrankaw sa massimu ta’ €744 fit-taxxa.

Se jerġa’ jkun hemm tax refund li se jitla’ għal bejn €45 u €95; filwaqt li operaturi żgħar u self employed se jkunu eżentati mill-VAT sa €30,000; u mhux se titħallas taxxa fuq profitti minn għaqdiet volontarji li m’għandhomx turnover ta’ aktar minn €50,000.

Mistoqsi dwar l-aħħar żviluppi fi ħdan l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji, il-Professur Scicluna qal li hemm kodiċi ta’ kondotta ċari u l-bord bħalissa qed jappunta persuni biex jara jekk dan inkisirx u jittieħdu l-passi neċessarji.

Il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li l-budget għas-sena d-dieħla huwa wieħed straordinarju mil-lat ta’ infiq iżda mhux biss.

“Dan huwa rekord ta’ żieda fl-ispiża ddedikata lill-Ministeru tal-Ekonomija. Biss biss miżura partikolari fejn għandek li rridu ninvestu fl-infrastruttura industrijali għandek spiża ta’ €450 miljun. Dan apparti l-miljuni kbar fejn jidħlu l-wage supplement, il-vouchers, għajnuniet oħrajn, li qed ngħinu n-negozji tagħna. Dan ifisser impenn li l-Gvern qed jagħti lill-familju u lin-negozji tagħna.”

Il-Ministru Schembri qal li b’budget bħal dan, il-pajjiż se jkollu vantaġġ kompetittiv fuq pajjiżi oħrajn. Spjega kif fil-passat, il-Gvern ħaseb biex jilqa’ għal ċirkostanzi li setgħu jqumu, bħalma ġara bħalissa meta qed jonfoq iktar minħabba l-Covid.