Edukazzjoni
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-MUT ma jaqblux jekk hemmx klassijiet bla għalliema

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li nhar il-Erbgħa l-iskejjel se jiftħu b’mod normali u li l-iskejjel tal-primarja se jkollhom l-ammont ta’ għalliema li għandhom bżonn.

Min-naħa l-oħra l-union tal-għalliema, l-MUT, qalet li ma kinitx infurmata li għalliema peripatetiċi se jiddaħħlu jgħallmu bħala għalliema tal-primarja.

Waqt li l-MUT qed tgħid li hemm 150 klassi tal-primarja bla għalliema, il-Ministeru qal li dan mhux minnu u li bl-ingaġġ ta’ għalliema ġodda flimkien ma’ xi għalliema parepatetiċi, kull klassi se jkollha l-għalliem tagħha.

Il-Ministeru fetaħ mandat ta’ inibizzjoni kontra l-MUT biex twaqqaf milli jittieħdu azzjonijiet industrijali.

Fil-jum li l-għalliema bdew sena skolastika ġdida fl-iskejjel tal-Istat, l-MUT u l-Ministeru tal-Edukazzjoni jinsabu f’diżgwid dwar l-għalliema peripatetiċi li ntalbu biex jgħallmu fil-klassijiet tal-primarja.

Il-President tal-MUT Marco Bonnici qal li l-unjin mhux se taċċetta ebda intimidazzjoni mill-Ministeru tal-Edukazzjoni li fetħet mandat ta’ inibizzjoni fil-Qorti biex ma titħalliex tordna azzjonijiet industrijali.

Skont l-MUT s-Sibt li għadda l-Ministeru għall-Edukazzjoni għamel kuntatt ma’ għalliema li xogħlhom hu speċjalizzat f’diversi oqsma tal-edukazzjoni biex mil-lum it-Tnejn jibdew jgħallmu l-klassijiet tal-primarja minħabba li hemm 150 għalliem nieqes mill-primarja.

Bonnici qal li huwa ilu sajf sħiħ jitlob lill-Ministeru għal informazzjoni dwar x’se jiġri mis-sena skolastika ġdida, anki minħabba l-protokolli marbuta mal-Covid, iżda sostna li l-Unjin inżammet fil-għama.

“Il-Ministeru ilu jgħid sajf sħiħ li għandu pjan lest u nirrealizzaw is-Sibt li għandu kriżi tal-edukaturi, u biex ikompli jgħaxxaq ipprova jwaqqafna milli nieħdu azzjoni billi fetaħ mandat il-Qorti”.

B’reazzjoni għal dan il-Ministru tal-Edukazzjoni Justyne Caruana qalet li mhux minnu li l-MUT tħalliet fil-għama.

Hija spjegat kif fl-24 ta’ Awwissu li għadda saret laqgħa mal-MUT dwar dan biex kif sar fis-sena skolastika li għaddiet għalliema peripatetiċi, li huma wkoll għalliema tal-primarja, jintalbu jgħallmu fil-klassijiet.

Il-Ministru Caruana qalet li dwar dan l-MUT kellha laqgħa mal-membri għalliema parepatetċi fit-22 ta’ Settembru u wara l-MUT qalet li mhix taqbel.

“Ma nistgħux nifhmu kif ftehim li ħadem, għaliex din is-sena hemm din ir-reżistenza kollha, meta s-sena l-oħra kienet suċċess, tħallejna sal-aħħar minuta li l-ftehim jista’ ma jkunx hemm qbil dwaru”.

Il-Ministru Caruana qalet li sa minn April li għadda beda l-ingaġġ tal-għalliema ġodda, liema proċess baqa’ għaddej.

Hija spjegat li minn 500 għalliem peripatetiku kienu 81 għalliem li ntalbu biex jgħallmu fil-klassi. Minn dawn kien hemm 22 għalliem peripatetiku li talbu lill-Ministeru biex jgħallmu fil-klassijiet tal-primarja.

Il-Ministru Caruana qalet li l-mandat ta’ inibizzjoni kontra l-MUT infetaħ biex jiġu protetti l-interessi tat-tfal u nhar l-Erbgħa tibda l-iskola.

Is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Dr Frank Fabri qal li b’kollox żdiedu 109 klassijiet fil-primarja minħabba l-protokolli tas-saħħa u anke għaliex żdiedu r-reġistrazzjonijiet tat-tfal li jridu jattendu l-primarja fl-iskejjel tal-istat.

Huwa qal li mhux minnu kif qed tgħid l-MUT li hemm 150 klassi bla għalliem.

“B’xorti ħażina l-laqgħat filli kienu mexjin f’direzzjoni filli fl-aħħar mumenti l-affarijiet inbidlu to our suprise … kienet sorpriża kif agreement li ħadem is-sena l-oħra din is-sena hemm oġġezzjoni fuqu”.

Id-Direttur Ġenerali tal-Edukazzjoni Emil Vassallo qal li kontra dak li qed jingħad l-għalliema peripatetiċi huma kkwalifikati biex jgħallmu fil-primarja u li nhar l-Erbgħa kull student li jingħata tagħlim speċjalizzat, fosthom dawk li għandhom nuqqas ta’ smiegħ u għajnuna fil-litteriżmu, se jibqgħu jingħataw is-servizz.

B’kollox il-Ministeru qal li għandu 6,000 edukatur, l-ikbar numru li qatt kellu fl-istorja, bl-għadd ta’ studenti jaqbeż it-33,000.