Ekonomija u Finanzi
Il-Ministru tal-Finanzi kawt dwar il-qbil tal-G7 fuq it-taxxi fuq il-kumpaniji

Il-Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol Clyde Caruana rrimarka li għadu kmieni biex wieħed jikkummenta dwar il-ftehim milħuq mill-pajjiżi tal-G7 fir-rigward tat-taxxa minima fuq kumpaniji multinazzjonali.

Is-seba’ pajjiżi li jiffurmaw il-G7, grupp li jiġbor fih pajjiżi meqjusin bħala fost l-iktar b’saħħithom, qablu dwar kif għandhom jintaxxaw lill-kumpaniji multinazzjonali.

L-Istati Uniti, ir-Renju Unit, Franza, il-Ġermanja, il-Kanada, l-Italja u l-Ġappun qablu waqt laqgħa f’Londra li l-kumpaniji l-kbar għandhom jiġu intaxxati fil-pajjiżi fejn jagħmlu negozju kif ukoll li t-taxxa globali għall-kumpaniji l-kbar tkun ta’ mhux inqas minn 15%.

tvm.com.mt staqsa lill-Ministru tal-Finanzi kif dan il-ftehim jista’ jolqot lil pajjiżna bil-Ministru Caruana jgħid li l-qbil tal-lum kien wieħed ta’ prinċipju u d-dettalji tal-proposta u l-implimentazzjoni tagħha għad iridu jiġu diskussi u ffinalizzati.

“Madanakollu, waqt li nifhem li l-pajjiżi l-kbar għandhom sfidi finanzjarji kbar u jixtiequ jaraw iżjed taxxi mħallsa mill-kumpaniji kbar multinazzjonali, huma jridu jifhmu li kull pajjiż għandu wkoll ir-realtajiet tiegħu”.

Il-Ministru tal-Finanzi żied jgħid li kollox se jkun jiddependi minn kemm dawn il-pajjiżi lesti jifhmu r-realitajiet differenti ta’ pajjiżi differenti u jinnegozjaw.

Il-qbil bejn is-seba’ pajjiżi tal-G7 huwa ntiż biex il-gvernijiet jindirizzaw l-isfida tat-taxxi fuq il-kumpaniji li joperaw minn diversi pajjiżi.

Fil-preżent il-kumpaniji jistgħu jwaqqfu fergħat lokali f’pajjiżi fejn hemm rata baxxa ta’ taxxa u jħallsuha hemm anke jekk il-qligħ ikun ġej minn bejgħ f’pajjiżi oħra.

 

Ara wkoll:

 

Il-pajjiżi tal-G7 jaqblu dwar it-taxxa fuq il-kumpaniji multinazzjonali