Barranin
Il-Ministru tas-Saħħa Spanjol jgħid li Spanja għandha bżonn tieħu miżuri drastiċi biex tiġġieled il-Coronavirus

Il-Ministru tas-Saħħa Spanjol, Salvador Illa qal li Spanja għandha bżonn tieħu miżuri drastiċi biex tiġġieled il-pandemija tal-Coronavirus hekk kif stqarr li s-sitwazzjoni m’għadhiex taħt kontroll u l-Gvern qed jikkunsidra restrizzjonijiet ġodda.

Fl-aħħar sigħat, Spanja saret l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li rreġistra miljun każ tal-COVID. Waqt li l-imwiet bil-COVID jinsabu fil-livell ta’ madwar mija kuljum, ferm inqas mid-900 ta’ Marzu li għadda, il-pazjenti fl-isptarijiet żdiedu b’20% u t-tobba bdew iwissu li operazzjonijiet mhux urġenti jaf ikollhom jiġu posposti.

U fil-Ġermanja, ġew reġistrati rekord ta’ aktar minn 10,000 każ ġdid f’ġurnata waħda sa mill-bidu tal-pandemija. Din hi t-tieni darba f’ġimgħa li l-Ġermanja kellha żieda rekord. Waqt li l-uffiċjali tas-saħħa pubblika qalu li l-isptarijiet jinsabu ppreparati għaż-żieda ta’ pazjenti li jista’ jkollhom bżonn il-kura, membri tal-Armata qed iduru l-irħula biex jagħtu daqqa t’id fil-proċess tal-contact tracing.

U r-restrizzjonijiet fosthom fir-Renju Unit qed iqanqlu aktar frustrazzjoni fost għadd kbir ta’ persuni fosthom il-pensjonanti li bla mistenni sabu lil Maureen Eames ta’ 83 sena tmexxi ‘l quddiem il-karba tagħhom. “I’m 83, I don’t give a sod. I look at it this way – I’ve not got that many years left in me and I’m not going to be fastened in a house when the government have got it all wrong”.

Mill-banda l-oħra fl-Iżvezja, il-Gvern qed jirrakkomanda lill-anzjani ta’ l fuq minn 70 sena u persuni vulnerabbli li m’għandhomx għalfejn jiżolaw irwieħhom id-dar minħabba l-imxija tal-COVID. Għalkemm fl-aħħar ġimgħat l-għadd ta’ każi ġodda fl-Iżvezja żdiedu, il-Gvern qal li huma inqas minn April jew Mejju li għadda. F’dan l-isfond, l-aġenzija tas-saħħa qalet li ħarġet b’din ir-rakomandazzjoni għaliex qed tosserva żieda fil-mard mentali fost l-anzjani. Għal bosta xhur, l-anzjani u l-gruppi f’riskju ngħataw il-parir jevitaw li jmorru fi ħwienet fosthom spiżeriji u supermarkets. Madankollu, il-Kap tas-Saħħa Pubblika qal li dawn ir-rakkomandazzjonijiet kellhom konsegwenzi mentali u fiżiċi.