Lokali
Il-Ministru Clyde Caruana jiċħad li l-Gvern ta skont jew tnaqqis mit-taxxa dovuta miċ-Ċaqnu

Il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol ċaħad b’mod kategoriku rapport f’The Times li ntlaħaq ftehim ma’ Polidano Group dwar tnaqqis fit-taxxa dovuta minn dan il-grupp u lill-gvern.

Fi stqarrija, il-Ministeru qal li l-allegazzjonijiet li t-taxxa dovuta minn Polidano tnaqqset, u “tnaqqset għal inqas minn €10 miljun”, huma infondati u kompletament foloz.

Il-Ministeru kkonferma li kif inhu magħruf, l-istat huwa dovut miljuni sostanzjali mill-Grupp Polidano b’arretrati ta’ aktar minn 20 sena.

Il-Ministru Clyde Caruana qal li filwaqt li t-taxxi mhux se jiżdiedu jew jiddaħħlu taxxi ġodda, il-Gvern se jiżgura li tinġabar it-taxxa dovuta u titrażżan l-evażjoni tat-taxxa.
Qal li dan il-prinċipju tal-moralità fiskali ma nbidilx u mhux se jinbidel ikun min ikun l-individwu jew il-kumpanija.

Dwar l-allegazzjoni l-oħra li l-Grupp Polidano se jkun qed ipaċi porzjon sostanzjali mill-arretrati tat-taxxa tagħhom kontra proprjetà mogħtija lill-Gvern, il-Ministeru qal li m’hemm ebda ftehim ta’ din ix-xorta. Spjega li fl-2019, l-Awtorità tad-Djar ħarġet espressjoni ta’ interess biex tikseb biċċiet ta’ art li jinsabu f’post ċentrali u mdaqqsa biex jiġu żviluppati għal akkomodazzjoni soċjali jew affordabbli.

Qal li aktar tard twaqqaf kumitat ta’ evalwazzjoni biex jevalwa l-fattibilità ta’ kull proposta.
Dan kien immexxi minn tliet periti indipendenti, li ma kinux parti mill-kumitat ta’ evalwazzjoni, u ntalbu jagħmlu valutazzjoni konġunta ta’ kull sit offrut mill-offerenti.

Spjega li waħda mill-erba’ proposti li rċieva l-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-Awtorità kienet tikkonsisti f’art mifruxa fuq medda ta’ elfejn metru kwadru f’Ħal Luqa li bħalissa hija proprjetà ta’ Polidano Properties, u li tinsab maġenb proprjetà li diġà hija proprjetà tal-Awtorità tad-Djar.
Qal li din il-biċċa art kienet soġġetta għal valutazzjoni mill-periti mqabbda mill-kumitat ta’ evalwazzjoni u valutazzjoni oħra kkummissjonata mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għad-Dħul.

Il-Ministeru qal li fuq dan l-att ta’ trasferiment, l-Awtorità tad-Djar mhix se tħallas il-prezz tax-xiri lil Polidano, iżda se tiġi delegata bil-liġi biex tittrasferixxi dan l-ammont lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni, bħala saldu ta’ parti mill-bilanċ dovut minn Polidano. Barra minn hekk, qal li t-taxxi kollha dovuti b’rabta ma’ dan it-trasferiment jitħallsu lill-Gvern.

L-istqarrija tal-Ministeru temmet tgħid li sfortunatament The Times of Malta naqset milli tivverifika l-fatti qabel ma ppubblikat storja bbażata fuq affermazzjonijiet skorretti, mingħajr lanqas biss ipprovat tivverifika mal-Ministeru jew tibgħat mistoqsijiet, kif għandha tkun in-norma xierqa.

Qal li artikoli mhux veritiera bħal dawn idgħajfu l-kuntratt soċjali bejn Stat u l-kontribwenti tiegħu, billi jagħtu l-impressjoni li l-awtoritajiet qed jagħtu trattament preferenzjali, meta fir-realtà l-Gvern imbarka fuq eżerċizzju biex jiġbor l-arretrati tat-taxxa li baqgħu mhux miġbura għal għexieren ta ’snin, u jagħti lit-tax payers kollha trattament ġust u ugwali biex jirregolarizzaw ruħhom fil-parametri tal-liġi.