Lokali
Il-missier li bil-fotografija ddokumenta ħajjet bintu: ferħ, sodisfazzjon, tbatija u mewt

“Din kienet l-ewwel darba u m’hemm xejn li jippreparak għaliha. M’hemmx skola li tgħallmek kif tkun missier, minbarra l-ħajja u tittama biss li se tagħmel biċċa xogħol tajba. Ovvjament ħadt il-camera u ħadt l-ewwel ritratt ta’ Becs qabel ma’ biss kienet ratha ommha. Niftakar kont imwerwer meta tawhieli biex inżommha. Kont imbeżża’ ħafna għax ma kontx naf kif iżżomm tarbija. Minn hemmhekk bdew l-isbaħ 15-il sena ma’ din it-tifla: Rebecca.”

Tul il-karriera, Darrin Zammit Lupi rebaħ għadd ta’ premji tal-fotografija. L-aħħar wieħed li hu fost l-aktar prestiġjużi jkun wara l-mewt ta’ Rebecca, il-Yannis Behrakis International Photojournalism Award għall-2021. Il-qrubija bejn il-missier u l-bint intisġet ukoll bil-fotografija. Darrin jgħid li ħadilha mijiet ta’ eluf ta’ ritratti iżda għamel mezz li r-ritratti ma jiħdux post l-esperjenza tiegħu magħha. Ried igawdiha. Kien isegwiha mill-qrib anke fl-imħabba tagħha lejn iż-żfin. Ix-xogħol ta’ fotografu-ġurnalist jitlob ħinijiet twal, ċerti drabi ‘l bogħod mid-dar. Kif għex din ir-realtà bħala missier?

“Għall-affarijiet li kienu importanti ħafna għaliha hi u tikber, il-kunċerti tal-iskola, dejjem kont hemm. Kont nara li nieħu l-leave biex ix-xogħol ma jinterferix.”

Isemmi li darba ma kienx Malta f’għeluq sninu. Irrealizza li bintu ma ħaditx gost, erba’ xhur wara. Kien qed juri lill-Arċisqof Charles Scicluna kollezzjoni ta’ ritratti f’wirja li tella’ u indikalu ritratt partikulari li ħa f’missjoni ta’ salvataġġ ta’ ħafna immigranti.

“Għidtlu li dan kien wieħed mill-aqwa birthdays li kelli għax qattajtu ngħin biex insalvaw lin-nies. U warajna Becca nfaqgħet tibki u ma stajniex nifhmu għaliex u niftakar l-Arċisqof Scicluna mar ħdejha, għannaqha u beda jsaqsiha x’ġara, x’ġara? Qalet li kienet imdejqa li kien l-isbaħ birthday għalija, meta ma qattajtux magħha. Kif tista’ tara dan l-episodju għadu jħalli effett fuqi sal-lum.”

Madwar sitt xhur wara li saru jafu li Rebecca għandha kanċer fl-għadam, faqqgħet il-pandemija…u filli Darrin u Marisa kienu l-ħin kollu ħdejha l-isptar u filli kellhom jiddeċiedu min minnhom se jibqa’ magħha. Kellhom jinfirdu fi żmien li l-iżjed kellhom bżonn lil xulxin.

“Jum minnhom ġejna infurmati li minn dak il-lejl se nsakkru l-bibien, min hu ġewwa ġewwa, min hu barra barra. Niftakar kont qed naħdem u tlaqt il-biċċa xogħol u mort l-isptar u qattajt kemm stajt ħin magħha. Marisa ġriet lejn id-dar tippakkja l-affarijiet għal żmien fit-tul. Dakinhar filgħaxija tlaqt u ma rajthiex għal 7 jew 8 ġimgħat.”

Minn Londra, l-edituri ta’ Reuters issuġġerew lil Darrin juża l-fotografija biex jiddokumenta minn xiex kienet għaddejja bintu, primarjament it-tbatija.

“Għalija li niddokumenta dan kollu kienet iebsa ħafna speċjalment lejn l-aħħar li taraha tbati dik it-tbatija kollha. Kien hemm drabi fejn ma ħadtx ritratti. Ma stajtx. U kien hemm drabi li speċifikament ma ridtx. Hi baqgħet tifhem il-bżonn li nieħu ritratti. Kien hemm darba biss li qaltli Pà jekk jogħġbok tiħux ritratt issa. Baqgħet dejjem importanti ħafna għalija li nieħu ritratti b’mod li nosserva d-dinjità tagħha.”

Darrin qalilna li baqa’ jittama li Rebecca se tfieq, tant li kien qed jippjana l-btala li jmisshom imorru flimkien.

“Kont għadni qed nippjana dan kollu f’moħħi waqt li marti kienet qed tippjana l-funeral tagħha għax kienet taf li m’hemmx tama. Kien biss madwar 5 ġimgħat qabel mietet li staqsejt kemm fadlilha żmien? Qaluli minn 4 sa 6 ġimgħat. Kienet l-aħħar tad-dinja. Iż-żmien huwa tortura. 5 xhur u ħajja sħiħa quddiemi. Ma tafx kemm se tkun twila.”

Fl-età ta’ 15-il sena, Rebecca ħalliet din id-dinja fit-3 ta’ Jannar li għadda. Ir-ritratt li missierha għażel biex fuq Facebook ta l-aħbar li binthom mietet ittieħed ftit snin ilu l-Għadira. Juri lil Rebecca taqbeż, ħielsa minn kollox. Qalilna, li għażel dan ir-ritratt bil-kliem ‘tir fl-għoli anġlu’ għax fih jidher is-sbuħija ta’ wiċċha u qisha qed ittir. Darrin jixtieq li Rebecca tibqa’ mfakkra għar-reżiljenza li kellha.

“Qatt ma ddisprat anke meta l-affarijiet kienu fl-agħar tagħhom. U żgur li bkiet, imma baqgħet tiġġieled u tittama kontra kull tama.”