Kultura
Il-mitħna tax-Xewkija fost l-iktar 100 destinazzjoni ta’ preġju għas-sostenibilità

L-iktar mitħna antika f’Għawdex u l-unika waħda bit-tmien faċċati fil-gżejjer Maltin issa hija fost 100 destinazzjoni ta’ preġju sostenibbli madwar id-dinja.

L-unika mitħna fil-gżejjer bi tmien kantunieri tinsab fix-Xewkija, Għawdex. U issa sabet ruħha fil-100 destinazzjoni l-iktar ta’ preġju għas-sostenibiltà tagħhom fid-dinja.

F’tarf ir-raħal tax-Xewkija, fit-triq li mill-port tal-Imġarr tagħti għar-Rabat, il-mitħna ottagonali bi tmien faċċati faċilment titqies bħala binja b’karattru distintiv u uniku Għawdxi.

Din hija l-iktar mitħna antika f’Għawdex. Bdiet titħan il-qamħ fl-1710 u baqgħet tintuża sa 60 sena ilu. Tħalliet fi stat ta’ telqa u llum il-ġurnata treġġgħet lura għall-glorja oriġinali tagħha.

Kif tlesta x-xogħol kollu, iktar kmieni din is-sena, din il-mitħna tar-riħ infetħet għall-pubbliku mingħajr ħlas u l-pjazzetta fiha tintuża għall-attivitajiet folkloristiċi u kulturali.

Id-Direttur tad-Direttorat għat-Turiżmu f’Għawdex, Ronald Sultana, qal li kull sena minn ħafna li jitressqu, jintgħażlu 100 proġett jew inizjattiva minn diversi reġjuni madwar id-dinja bil-Ministeru għal Għawdex ressaq ir-restawr u r-riġenerazzjoni tal-mitħna tat-tmien kantunieri tax-Xewkija.

“Kien proġett li kellu investiment anke grazzi għall-fondi Ewropej u dan il-proġett kompla jixpruna l-elementi kulturali u storiċi f’Għawdex u issa fetaħ ukoll għat-turisti u allura dan jawgura tajjeb għat-turiżmu sostenibbli”.

Il-mitħna tikkonsisti minn intrata kbira, żewġt ikmamar paralleli u kċina fuq wara. Fin-nofs hemm garigor li jwassal għall-bejt tat-torri. Fuq id-daħla hemm ukoll kamra oħra li kienet tintuża biex l-ommijiet iwelldu.

Ir-restawr tal-mitħna ottagonali huwa parti mill-proġett ta` riġenerazzjoni tal-pjazza tax-Xewkija imniedi mill-Ministeru għal Għawdex b’sostenn finanzjarju tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.